Lokali

Sessjoni ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur

Sessjoni ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur kienet organizzata f’Dar l-Ewropa fil-Belt Valletta.

Is-sessjoni kienet organizzata mill-Awtorita’ Maltija għall-Kompetizzjoni u l-affarijiet tal-Konsumatur flimkien mal-MEUSAC. Fost is-suġġetti diskussa kien hemm dak tar-ritorn tal-oġġetti mixtrija, xiri mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju.

Għal din is-sessjoni kien hemm preżenti d-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Affarijiet tal-Konsumatur Joyce Borg, li ma’ Net News spjegat kif ilmenti dwar prodotti jew servizzi jaslulhom minn konsumaturi ta’ kull eta’ inkluż dawk anzjani li jkollhom bżonn ta’ aktar gwida. Joyce Borg semmiet kif ilmenti li jiltaqgħu magħhom ta’ spiss huma dawk marbuta ma’ servizzi tal-internet jew tat-telefonija cellulari.

Bħala Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Konsumatur semmiet kif minn naħa tagħhom b’mod kontinwu jedukaw lill-konsumatur biex meta jixtru, jixtru bil-għaqal. Borg semmiet wkoll kif f’pajjiżna għandna ufficcju tal-konsumatur li jitratta ma’ uffiċini tal-konsumatur barra minn Malta. Dan f’każ li l-Maltin jew l-Għawdxin jixtru minn xi pajjiż ieħor u ma jkunux sodisfatti bil-prodott. Dan japplika wkoll viċi versa. Jiġifieri meta xi turist jixtri prodott minn Malta u meta jmur lura pajjiżu jsib li dak li rċieva mhux dak li ħallas għalih.