Internazzjonali

Tħassib dwar ‘trasmissjoni rari’ taz-Zika

L-esperti qegħdin jippruvaw isibu r-raġuni għalfejn persuna Amerikana, li kienet taħdem bħala carer, qabadha l-virus taz-Zika wara li kienet qed tieħu ħsieb raġel anzjan infettat bl-istess virus u li spiċċa jmut bil-konsegwenza tiegħu.

S’issa kien maħsub li l-virus taz-Zika jinfirex biss min-nemus u mis-sess, kif ukoll ‘bit-trasmissjoni (tal-virus) għal tarbija fil-ġuf ta’ omm infettata’. Madankollu mhux magħruf li dawn il-‘fatturi ta’ sogru’ kienu japplikaw lill-carer inkwistjoni, bl-uffiċjali Amerikani qed jevalwaw is-sitwazzjoni filwaqt li jieħdu ħsieb aktar provi.

L-esperti xorta qegħdin jgħidu li l-potenzjal li z-Zika jinfirex minn persuna għal oħra ‘mingħajr xi kuntatt sesswali’ għandu jitqies bħala ħaġa rari għall-aħħar.

Kelliema għas-Centres for Disease Control (CDC) fl-Istati Uniti qalu li l-pazjent anzjan inkwistjoni, li miet f’Ġunju, kien ivvjaġġa lejn zona fejn hemm in-nemus li jferrex il-virus. It-testijiet tal-laboratorju kienu żvelaw traċċi għoljin taz-Zika fid-demm tal-pazjent u s-CDC bagħat emergency response team biex jinvestiga ċ-ċirkustanzi.