Internazzjonali

Twissija dwar il-Brexit u l-iżvilupp globali

Il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) qal li d-deċiżjoni tar-Renju Unit biex jitlaq mill-Unjoni Ewropea għandha titqies bħala ‘gambetta’ għall-iżvilupp fuq skala globali u li tnaqqas mit-tbassir oriġinali.

Fil-fatt, minflok tbassir dwar żvilupp ta’ 3.2 fil-mija fl-2016, il-World Economic Outlook (WEO) tal-istess Fond, issa qed jistenna biss żvilupp ta’ 3.1 fil-mija.

Intant, skont il-WEO, ir-Renju Unit għandu jkun ‘l-agħar affettwat’ minn fost l-ekonomiji avvanzati kollha tad-dinja. Dan meta l-growth forecast tar-Renju Unit għall-2017 inqata’ minn 2.2 għal 1.3 fil-mija, waqt li t-tbassir dwar l-iżvilupp għal din is-sena kien irrevedut ’l isfel minn 1.7 għal 1.5 fil-mija.

It-tbassir għall-iżvilupp globali tal-IMF għas-sena d-dieħla wkoll qed ikun evalwat f’dawl anqas pożittiv u r-rata mistennija tkun ta’ 3.4 fil-mija minflok it-3.5 fil-mija li kien imbassar qabel.

Qabel ir-referendum tat-23 ta’ Ġunju fir-Renju Unit u l-vot favur il-Brexit, l-IMF kien sostna li l-ekonomija globali ‘kienet qed turi sinjali ta’ żvilupp inkoraġġanti’.