Internazzjonali

Wara l-kolp ta’ stat fit-Turkija: Mhix eskluża l-piena tal-mewt jekk jiddeċiedi hekk il-Parlament

Filwaqt li t-Turkija tinsab f’morsa ta’ inċertezza wara l-kolp ta’ stat fallut ta’ jiem ilu, il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, mill-ġdid irrifjuta li jwarrab il-possibbiltà li jintroduċi mill-ġdid il-piena tal-mewt għall-awturi tal-kumplott, f’każ li din il-miżura tkun approvata mill-Parlament ta’ Ankara.

Sadanittant, l-Unjoni Ewropea qed twissi li pass bħal dan ikun ifisser it-tmiem tat-taħditiet mat-Turkija li qed taspira li ssir membru tal-Unjoni, iżda t-twissija mhix tinkwieta lil Erdogan li, ‘permezz tal-kolp’, ħataf l-opportunità biex isaħħaħ il-kontroll fuq pajjiżu.

S’issa, euf ta’ suldati, pulizija u uffiċjali tkeċċew mill-karigi rispettivi jew spiċċaw arrestati b’konsegwenza tal-kolp ta’ stat.

Dan waqt li l-Gvern tat-Turkija qed ikompli jakkuża lir-reliġjuż, Fethullah Gulen, li hu eżiljat fl-Istati Uniti, bħala l-protagonista wara l-kumplott.

Il-Prim Ministru tat-Turkija, Binali Yildirim, impenja ruħu ‘biex jelimina t-theddida tas-sostenituri ta’ Gulen fit-Turkija’ u qal li bagħat provi dwar l-attivitajiet kriminali ta’ Gulen lill-awtoritajiet Amerikani. Intant, Fethullah Gulen għadu jiċħad għal dawn l-allegazzjonijiet.

Fl-aħħar żviluppi, ‘il fuq minn 15,000 membru tal-istaff fis-settur tal-edukazzjoni spiċċaw sospiżi fit-Turkija, meta l-Istat qed ikompli bil-kaċċa għal uffiċjali li setgħu kellhom xi sehem fil-kolp ta’ stat. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni Tork akkuża lil dawn il-membri tal-istaff dwar ‘rabtiet ma’ Fethullah Gulen’, bil-Bord għall-Edukazzjoni Ogħla fit-Turkija anki jinsisti għar-riżenja ta’ aktar minn 1,500 dekan tal-università.

‘Il fuq minn 20 Ġeneral tal-qawwiet Torok, fosthom l-eks kap tal-qawwiet tal-ajru, il-Ġeneral Akin Ozturk, qed jinżammu taħt arrest meta l-Istat għadu qed ifassal id-dati tal-proċessi bil-qorti. Il-Ġeneral Ozturk qiegħed jiċħad kull sehem fil-kolp ta’ stat.

In-Nazzjonijiet Uniti, sadanittant, ħeġġet biex it-Turkija tirrispetta l-liġi u tiddefendi d-drittijiet umani waqt li tikkonfronta r-riperkussjonijiet tal-kolp ta’ stat li fih mietu 232 persuna u fejn irriżultaw ‘il fuq minn 1,500 midruba.