Lokali

Emendi li jikkontraduċu dak li l-PL kien isostni mill-Oppożizzjoni

Emendi li l-Gvern qed jipproponi għall-ordnijiet permanenti tal-Kamra jmorru totalment kontra dak li l-Membri tal-Grupp Parlamentari Laburista kienu jsostnu mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni.

Waqt diskussjoni li saret fir-rigward ta’ emendi għall-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra, il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco elenka sensiela ta’ kummenti li kienu saru minn Deputati Laburisti mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni.

Il-kummenti kienu dwar proposta li kienet saret mill-Gvern Nazzjonalista biex talbiet għal votazzjoni fil-Parlament isiru f’ġurnata fissa tal-Erbgħa u mhux meta ssir it-talba għall-vot.

Mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni, Owen Bonnici, Alfred Sant, Evarist Bartolo, Charles Mangion, Jose’ Herrera, Carmelo Abela, Anthony Agius Decelis, Michael Falzon u Joseph Muscat u oħrajn fil-Grupp Parlamentari Laburista kienu kontra din is-sistema.

Fil-parti kbira l-kummenti tal-Membri tal-Partit Laburista għal proposta simili mill-Gvern Nazzjonalista kienu sostnew li din hi frott ta’ diviżjoni li kien hemm fuq in-naħa tal-Gvern jew biex jitnaqqas l-iskrutinju tal-Parlament u jnaffru d- demokrazija.

Mario de Marco staqsa jekk din l-istess kritika illum tapplikax għall-Gvern tal- ġurnata. Hu żied li n-naħa tal-Gvern jew se jgħidu li dakinhar kienu żbaljati, jew se jgħidu li dak li qed jiġi propost illum mhux aċċettabbli.

Fl-intervent tiegħu għall-emendi mressqa mill-Ministru Louis Grech, id-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-ordnijiet permamnenti nħolqu fl-1922.

Fil-parti kbira tagħhom dawn għadhom fis-seħħ illum. Hemm qbil li uħud minn dawn l-ordnijiet għandhom jiġu mibdula iżda ma jfissirx li fil-parti kbira tagħhom ma għadhomx tajbin.

Mario de Marco staqsa jekk l-emendi proposti mill-Gvern hux se jilħqu l-iskop, li jrid jara kulħadd. Hu qal li jaqbel li jkun hemm kunsens u ma jkunx hemm politika ta’ diviżjoni. Minkejja dawn id-dikjarazzjonijiet min-naħa tal-Gvern, l-istess Gvern ippropona diversi affarijiet li meta kien fil-bank tal-Oppożizzjoni kien kontrihom.

Hawn irrefera għall-kummenti li kienu saru dwar il-proposta beix il-votazzjonijiet jittieħdu fis-seduti ta’ nhar ta’ Erbgħa.

Meta kompla, Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni taqbel li jkun hemm penali jekk Membru Parlamentari ma jattendix, iżda fl-istess waqt qed itawwal il-ħin tas-sospensjoni meta jissejjaħ kworum. Jekk il-Gvern daqshekk ċert li l-Membri se jkunu preżenti għax inkella jeħlu penali, għaliex iħoss li jrid itawwal il-ħin tas-sospensjoni f’sejħa għal kworum ?

Mario de Marco staqsa kif se jingħata aktar ħin għal-leħen taċ-ċittadin meta qed inaqqas il-ħin għall-interventi tal-Membri Parlamentari. Hu qal li l-emendi mhux neċessarjament se jtejjeb ix-xogħol fil-Kamra. Dan jitjieb jekk ikun hemm aktar riżorsi, jekk ikun hemm risposti korretti min-naħa tal-Gvern għall-mistoqsijiet li jsiru, jekk il-Gvern iressaq quddiem il-Parlament kuntratti pubbliċi li jiffirma.

Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni se tippreżenta mozzjoni li tipproponi tliet affarijiet.

Waħda hi dwar il-laqgħat tal-Ħamis li jkunu alternati bejn Gvern u Oppożizzjoni. Skont ruling li ta l-Ispeaker, jekk naħa ma tużax laqgħa f’ġurnata tal-Ħamis, ma tistax issir laqgħa l-Ħamis ta’ wara. Fil-preżent il-Gvern baqa’ ma użax laqgħa tiegħu il-Ħamis bir-riżultat li l-Oppożizzjoni ma tistax tressaq xogħol li ilha li ppreżentat lill-Iskrivan tal-Kamra.

Proposta oħra hi li kull nhar ta’ Erbgħa jkun hemm ħin tal-mistoqsijiet mill- Prim Ministru. Hemm qbil ukoll li jitwaqqaf Kumitat dwar il-petizzjonijiet.

Peress li kien sar il-ħin, Mario de Marco baqa’ fil-pussess tal-Kamra u jkompli l-intervent tiegħu fis-seduta li jmiss.

Intervent tal-Viċi Prim Ministru Louis Grech

Il-Parlament iddiskuta emendi għall-ordnijiet permanenti. L-emendi qed jintroduċu penali ta’ €50 għal dawk il-Membri Parlamentari li ma jattendux għal seduta mingħajr ma jiġġustifikaw l-assenza tagħhom.

Emendi oħra qed jistabbilixxu li l-Parlament jista’ jiltaqa’ f’seduti li jsiru kemm filgħodu kif ukoll wara nofsinhar. Jistabbilixxu wkoll proċeduri meta jkunu jistgħu jiġu diskussi mozzjonijiet ippreżentati minn Membri Privati u kif isir it-tqassim ta’ dan ix-xogħol fil-ġurnata tal-Ħamis u kif għandha ssir l-alternanza jekk ikun hemm xogħol ġej minn Membru fuq in-naħa tal-Gvern jew min-naħa tal-Oppożizzjoni.

Il-mozzjoni titkellem ukoll dwar il-proċedura li għandha tkun segwita jekk matul seduta parlamentari ma jkunx hemm kworum ta’ membri preżenti.

Waqt li kien qed jippreżenta emendi, il-Viċi Prim Ministru Louis Grech introduċa emendi ġodda għal dawn l-emendi.

L-Oppożizzjoni talbet li tkun infurmata bl-emendi ġodda li qed jitressqu. Id- Deputat Nazzjonalista Mario de Marco talab lill-Ispeaker biex jara li l-Oppożizzjoni tkun mgħotija kopja tal-emendi ġodda li qed jitressqu.

Wara sospensjoni ta’ diversi minuti biex tingħata kopja lill-Oppożizzjoni, id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea ssuġġerixxa biex ladarba l-Parlament kien wasal biex jieqaf għall-vaganzi tas-sajf, kellu jsir sforz ieħor biex ikun hemm aktar diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat. Hu qal li mhux sewwa li wara numru ta’ laqgħat u kollaborazzjoni bejn iż-żewġ naħat, jiġu ppreżentati emendi ġodda.

Il-Viċi Prim Ministru qal li l-emendi li qed ikunu ppreżentati saru wara diskussjonijiet. Kien hemm qbil dwar ċerti emendi u nuqqas ta’ qbil f’oħrajn.

Il-Ministru Louis Grech qal li kien hemm avviż ta’ mozzjoni u din qed titressaq skont il-proċeduri tal-Kamra.

Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li kif ġara fil-każ tal-emendi kostituzzjonali, il-qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra ntlaħaq wara ġranet ta’ diskussjonijiet. Hu żied li s-suġġeriment tad-Deputat Nazzjonalista

Mario Galea jagħmel sens. Għandu jkun hemm diskussjoni biex jintlaħaq qbil ħalli l-ordnijiet permanenti jkunu approvati mill-Kamra kollha.

Francis Zammit Dimech qal li f’dan l-istadju jħoss li fejn ma hemmx qbil, il-Ministru għandu għalissa jirtira l-emendi mhux maqbula biex isiru iżjed diskussjonijiet ħalli jkun hemm kunsens sħiħ dwarhom.

Il-Ministru Louis Grech qal li dawn l-emendi qed isiru biex tingħata aktar awtonomija u stabbiltà lix-xogħol tal-Parlament u fl-istess waqt aktar leħen liċ-ċittadin. Sostna li l-Gvern ukoll irid li jinstab kunsens.

F’mument matul is-seduta, id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea qal li filwaqt li l-Gvern qed jipproponi penali ta’ €50 jekk Membru Parlamentari ma jattendix għas-seduta, fil-ħin li l-Viċi Prim Ministru qed jippreżenta l-mozzjoni, kien hemm preżenti biss erba’ membri min-naħa tal-Gvern.

L-Ispeaker, wara li aċċerta li ma kienx hemm kworum, issospenda s-seduta għal ħames minuti.

Wara s-sospensjoni reġa’ ġie stabbilit kworum u s-seduta kompliet.