Għajnejn l-artist ħafna drabi jaraw l-affarijiet minn perspettiva differenti, lil hinn minn dak li jaraw ħafna. Imma f’dan il-każ, Alan Azzopardi, artist ta’ 38 sena jispjega kif verament jara differenti minn ħaddieħor peress li ma jarax minn għajnu l-leminija.
Ma’ Net News, Alan spjega li għalkemm ilu jpinġi għal diversi snin, minn kemm ilu li tilef id-dawl t’għajnu l-leminija, beda jara effetti differenti li għenuh ipenġi tpenġijiet isbaħ. Jgħid li llum tgħallem jiffoka minn għajn li ma jarax minnha, iħallata mal-vista t-tajba u joħroġ riżultati realistiċi ħafna.
Madanakollu, Alan mhux minn dejjem kien ibati mid-dawl t’għajnejh. Jirrakonta kif tilef d-dawl ħames snin ilu kien fuq btala fi Franza u ġurnata minnhom qam jara mpċajpar. Minn dakinhar ‘l hawn dar diversi tobba u professjonisti iżda sfortunatament kollha kienu jgħidulu l-istess – li se jitlef id-dawl t’għajnu l-leminija. B’xorti tajba Alan sab ukoll trapjant kompatibbli miegħu iżda sfortunatament il-ġisem irriġettaha.
Alan sostna li għalkemm aħbar bħal din ixxukjatu, xorta waħda għaraf iħares lejn din l-esperjenza minn lenti pożittiva. Qal li minflok tħassar lilu nniffsu, iġġieled is-sitwazzjoni u ħareġ xi ħaġa tajba minnha. Apparti minn hekk, hu jirrakonta kif qabel dawn l-aħħar 5 snin iħoss li ma kienx japrezza l-ħajja daqs issa. Jgħid li qabel kien igerger dwar l-iċken ħaġa iżda llum differenti. Illum iħares lejn il-ħajja minn perspettiva oħra u jinkoraġġixxi lil ħaddieħor biex jagħmel l-istess.