Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li hekk kif illejla jibda d-dibattitu fil-Parlament dwar bidliet fl-Istanding Orders tal-Parlament, jiġi introdott il-kunċett tal-Prime Minister’s Question Time, li tfisser ħin regolari kull ġimgħa li matulu d-Deputati fil-Parlament ikunu jistgħu jagħmlu mistoqsijiet diretti lill-Prim Ministru. Dan il-kunċett, li jżid it-trasparenza fil-proċess Parlamentari, jintuża f’pajjiżi oħrajn, u jżid l-interess tal-poplu fil-ħidma tal-Parlament.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco fakkar li l-Partit Nazzjonalista diġà għamel din il-proposta f’Diċembru li għadda, bħala waħda mill-109 proposti ta’ tmexxija tajba fid-dokument ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’. Hu qal li waqt li għaddej id-dibattitu dwar bidliet fl-Istanding Orders, għandu jiġi assigurat li darba fil-ġimgħa, l-Prim Ministru jiddedika 30 minuta biex iwieġeb il-mistoqsijiet li jagħmlulu d-Deputati tal-Parlament.
Fost proposti oħra li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista hemm li jitwaqqaf Kumitat Parlamentari ġdid li jkun iddedikat għall-petizzjonijiet. Il-proposta hi li dan il-Kumitat ikun magħmul minn 3 membri tal-Gvern u 2 tal-Oppożizzjoni, u r-rwol tiegħu jkun li jirċievi petizzjonijiet, janalizza l-kontenut tagħhom, jivverifika l-firem, biex imbagħad jieħu deċiżjoni dwar jekk dik il-petizzjoni għandiex tmur quddiem Kumitat permanenti ieħor tal-Parlament.
Proposta oħra li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista hi dik li tassigura li jekk il-Gvern tal-ġurnata jiddeċiedi li ma jagħmilx użu mis-seduta tal-Ħamis, hekk kif jippermettulu l-Istanding Orders, l-Oppożizzjoni ma tkunx imċaħħda milli tirreferi għal din it-tip ta’ seduta. Attwalment, ir-reżistenza tal-Gvern milli juża s-seduta tal-Ħamis għal xogħol Parlamentari qed timpedi l-Oppożizzjoni milli tuża s-seduta li għandha dritt għaliha.
Mario de Marco rrefera għal punti oħra li, fi kliemu, għandhom jiġu indirizzati b’mod immedjat. Fost il-bidliet li qed jiproponi l-Gvern hemm dik li l-kworum jissejjaħ għal 15-il minuta minflok għal 5 minuti kif inhu llum. Mario de Marco qal li din ma tagħmilx sens u hija kontradizzjoni għall-fatt li l-Parlament għandu jassigura li d-Deputati jkunu preżenti għall-ħidma fil-Parlament.
Kontradizzjoni oħra li rrefera għaliha Mario de Marco hi li filwaqt li se tkun qed tidħol multa ta’ €50 għal kull Deputat li ma jattendix Seduta Parlamentari – xi ħaġa li l-Oppożizzjoni se tivvota favuriha – l-Gvern qed jinsisti li l-voti jittieħdu biss nhar ta’ Erbgħa. “Ma jagħmilx sens li qed tieħu miżuri biex tassigura l-preżenza tad-Deputati fil-Parlament, u voti ma jittieħdux dakinhar li jkunu msejħa,” qal Mario de Marco.
Hu insisti li l-Gvern għandu jieqaf ma jweġibx il-mistoqsijiet Parlamentari u b’mod immedjat, jippubblika l-kuntratti pubbliċi kollha li ffirma sa issa f’din il-leġiżlatura. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għal proposta oħra li l-Partit Nazzjonalista għamel fid-dokument ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’, li għandha tibda diskussjoni dwar jekk Deputati għandhomx jingħataw l-għażla jibqgħux fuq bażi part-time jew isiru full-time.
Dwar dan, il-Kelliem tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-Investimenti tal-Gvern Ċensu Galea qal li l-Mistoqsijiet Parlamentari huma għodda importanti ħafna għad-Deputati Parlamentari, u għalhekk il-Prim Ministru m’għandu jkollu ebda problema li jwieġeb il-mistoqsijiet tad-Deputati fil-Parlament. Hu sostna wkoll li l-poplu għandu jkollu d-dritt li jagħmel il-petizzjonijiet u dawn jingħataw l-importanza neċessarja fil-Parlament, permezz ta’ Kumitat Permanenti apposta li jagħti valur lill-istess petizzjoni.
Minn naħa tiegħu, x-Shadow Minister għall-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi tkellem dwar il-liġi dwar il-ġudikatura li se tiġi approvata fil-Parlament aktar tard illum. Jason Azzopardi qal li hu ta’ sodisfazzjon li l-Parlament se jasal biex japprova liġi li tbiddel il-mod kif jinħatru l-ġudikanti f’pajjiżna.
Hu fakkar li d-diskussjoni dwar dan bdiet wara li l-Gvern kiser il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna fil-ħatriet tal-ġudikatura fi Frar li għadda. Fid-dawl tal-kriżi Kostituzzjonali li kien jinsab fiha pajjiżna, l-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni, ressaq Private Member’s Bill bi proposta ċara li ma tibqax l-id politika fil-ħatriet tal-ġudikatura. Jason Azzopardi fakkar li l-Gvern webbes rasu u ma ressaq qatt dan l-abbozz ta’ liġi għad-diskussjoni fil-Parlament, iżda ressaq abbozz differenti li nżamm fis-silenzju għal 4 xhur sħaħ
Hu qal li dan l-abbozz issa se jiġi approvat u li fost l-oħrajn jinkludi:
1. mekkaniżmu ta’ dixxiplina għall-membri tal-ġudikatura
2. pensjoni xierqa għall-membri tal-ġudikatura
3. metodu ġdid ta’ ħatriet tal-ġudikatura li – fuq insistenza tal-Oppożizzjoni – ma jinkludix l-id politika f’dawn l-istess ħatriet.
Jason Azzopardi qal li l-propsta tal-Gvern kienet li l-Prim Ministru jista’ jirrakomanda avukati għall-bank tal-ġudikatura anke jekk dawn l-istess avukati ma jkunux applikaw għall-kariga mal-Kummissjoni li se titwaqqaf apposta. Hu qal li l-Oppożizzjoni nsistiet li jekk il-Prim Ministru se jkun qed jagħmel dan, għandu xorta waħda jibgħat lill-avukat in kwistjoni quddiem il-Kummissjoni, kif ukoll li jagħmel dikjarazzjoni fil-Parlament u fil-Gazzetta tal-Gvern.
//= $special ?>