Lokali Qorti

Illiberat minn akkużi marbuta mad-droga wara li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-każ

Aaron Paul Pavia kien illiberat minn numru ta’ akkużi marbuta mad-droga wara li l-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-każ tagħha, lil hinn minn kull dubju raġjonevoli.

Il-każ imur lura għal Mejju 2003 meta l-Pulizija arrestat lil Pavia u akkużatu fost l-oħrajn b’pussess ta’ droga kannabis li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ppreċiżat li waħda mir-raġunijiet għaliex dan il-proċess ħa fit-tul kienet li l-atti ta’ din il-kawża, flimkien ma’ diversi oħrajn, kienu nqerdu f’nirien li f’Lulju 2004 kienu ħakmu l-Awla fejn kienu qed jinżammu.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, qalet li hemm kunflitt fil-provi u fil-verżjonijiet bejn l-akkużat u l-uniku xhud. Wara analiżi fil-fond, il-każ baqa’ jippreżenta kunflitt serju ta’ verżjonijiet, tant li nħoloq dubju raġjonevoli li neċessarjament jeħtieġ imur favur l-akkużat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Micallef, filwaqt li l-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta dehru għal Pavia.