Minkejja li l-Gvern ta’ Joseph Muscat mhux se jġedded il-kuntratt tal-kirja tal-ħwienet biswit il-Kon Katidral ta’ San Ġwann – il-Prim Ministru stess ammetta li ma nstabitx propjeta addattata għalihom u lanqas mhux se tingħata.
F’Mistoqsija Parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, saret referenza għall-inkwiet li f’dawn l-aħħar xhur qed iberren fl-imħuħ tal-familji tas-sidien tal-ħwienet u kif ukoll l-impjegati, li l-għejxien tagħhom jorbot ma’ dawn il-ħwienet f’din iż-żona tal-Belt Valletta.
Ryan Callus staqsa dwar l-postijiet alternattivi li jistgħu jinstabu hekk kif din il-kirja ġiet itterminata, u dwar il-mod ta’ kif ġiet ikkomunikata din it-terminazzjoni.
Iżda l-Prim Ministru Joseph Muscat, fir-risposta tiegħu qal li dan il-proġett kien ilu maħsub u li saret ukoll riċerka – iżda minn naħa l-oħra – ammetta li l-laqgħat mal-kerrejja tal-ħwienet għadhom se jibdew fiż-żmien li ġej.
Joseph Muscat stqarr li f’April li għadda ġiet komunikata li mhux se jkun hemm tiġdid tal-kirja ta’ dawn il-ħwienet. Kompla billi qal li l-Gvern mhuwiex teknikament u kontrattwalment dovut iħallas kumpens f’każ ta’ li mhux se jsir it-tiġdid, xorta qiegħed jikkunsidra l-alternattivi ta’ kif jista jagħmel dan.
Il-Prim Ministru temm ir-risposta tiegħu billi stqarr li ġaladarba ma jistax jingħata post alternattiv u ġaladarba kull kumpens li jista’ jingħata mhux se jkun bi dritt – m’hemmx neċċessita illi dawn isiru qabel il-kera tiġi itterminata.
//= $special ?>