Lokali Saħħa

L-MUMN irreġistrat tilwima industrijali fl-Isptar Mater Dei

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) irreġistrat tilwima industrijali fl-Isptar Mater Dei dwar in-nuqqas ta’ uniformijiet u tagħmir għall-protezzjoni personali għall-infermiera li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Emerġenza, filwaqt li tat ultimatum lill-Management tal-Isptar biex iwettaq dak li wiegħed.

L-MUMN stqarret li tinsab iddiżappuntata ferm kif l-infermiera li jaħdmu f’dan id-Dipartiment għadhom ma rċievewx l-uniformi u t-tagħmir għall-protezzjoni, li ilhom imwegħda x-xhur.

Il-Union tat ultimatum li jekk sal-aħħar ta’ Lulju l-infermiera ma jirċievux l-affarijiet dovuti lilhom, l-MUMN se tordna azzjonijiet industrijali lill-infermiera kollha fid-Dipartiment tal-Emerġenza.

Sadanittant, fl-istess stqarrija, l-MUMN talbet għal laqgħa mad-Direttur tas-Servizzi tal-Infermiera f’Mater Dei Victoria Sultana biex il-Union tassigura li matul l-azzjonijiet industrijali jintlaħaq l-ammont ta’ infermiera meħtieġa ħalli d-Dipartiment jibqa’ jaħdem kif suppost.