Lokali

Muscat uża l-ajruplan privat 34 darba minn Marzu 2013

Il-Prim Ministru Joseph Muscat uża l-ajruplan privat għal 34 darba minn Marzu 2013 sal-lum.

Meta kien qed iwieġeb għal Mistoqsija Parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista David Agius, Muscat qal li l-biċċa l-kbira tat-titjiriet bl-ajruplan privat kienu għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.

Id-drabi l-oħra intuża fuq xogħol tal-Gvern fi żjarat fir-Renju Unit, fl-Italja u fit-Turkija.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius għamel ukoll żewġ Mistoqsijiet Parlamentari dwar is-safar li għamel il-Prim Ministru minn Marzu 2013 sal-lum, kif ukoll min kien qed jakkumpanjah.

Iżda għal dawn iż-żewġ Mistoqsijiet, Muscat wieġeb li t-tagħrif minn Lulju tas-sena li għaddiet sal-lum għadu qed jinġabar.