Il-Parlament approva b’vot unanimu mill-istadju tat-Tielet Qari, l-Abbozz ta’ Liġi dwar Riformi Kostituzzjonali, fil-Qasam tal-Ġustizzja.
Peress li dan l-abbozz jitratta materja kostituzzjonali, kienet meħtieġa li ssir votazzjoni biex tkun stabbilita l-approvazzjoni ta’ mill-inqas żewġ terzi tal-Parlament.
L-abbozz jitratta riformi fil-mod kif issir il-ħatra ta’ ġudikanti kif ukoll riforma fil-pensjonijiet lill-membri tal-ġudikatura.
Il-vot għadda b’60 vot favur u ħadd kontra.
Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni tal-Maġistrati u Imħallfin tesprimi s-sodisfazzjon tagħha għal-liġi li għadha kif għaddiet mill-Parlament fejn kienet emendata l-Kostituzzjoni ta` Malta u ntrodott, fost affarjiet oħra, pensjoni għall-membri tal-Ġudikatura.
L-Assoċjazzjoni tosserva, bi pjaċir, illi din il-leġislazzjoni għaddiet mill-Parlament bil-vot unanimu tal-deputati tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni.
L-Assoċjazzjoni tqis illi din il-leġiżlazzjoni sejra ssaħħaħ il-qasam tal-amministrazzjoni tal-Ġustizzja ta` pajjiżna anke għaliex qegħda tirrikonoxxi r-rwol vitali li għandha l-Ġudikatura fit-tisħiħ tad-demokrazija fil-pajjiż.
L-Assoċjazzjoni sejra tkompli tagħmel il-parti tagħha sabiex fir-rispett sħiħ tal-prinċipju tal-imparzjalita` u tal-indipendenza ta` kull Imħallef u Maġistrat l-amministrazzjoni tal-Ġustizzja fil-pajjiż tibqa` titjieb jum wara l-ieħor.
L-Assoċjazzjoni tistenna` b`ħerqa t-twettieq ta` din il-leġislazzjoni u tkompli tawspika li l-Ġudikatura tibqa` tiġi provduta bil-mezzi kollha meħtieġa sabiex taqdi d-dmirijiet tagħha bl-aħjar mod fl-interess tal-Ġustizzja.
//= $special ?>