22 persuna nstabu mgħerrqa fl-ilma u l-fuel f’qiegħ dingi f’nofs il-Meditterran meta ppruvaw jemigraw minn pajjiżhom. Filfatt, il-grupp Médecins Sans Frontieres (MSF) qalu li l-21 mara u raġel kienu ilhom abbord id-dingi għal sigħat sħaħ flimkien mal-200 persuna oħra li fortunatament ġew salvati mill-MSF nhar l-Erbgħa li għadda. Fost dawn il-200 Afrikan, 50 minnhom huma tfal.
Rapreżentanti tal-MSF tkellmu mal-midja internazzjonali u qalu li sa issa għadhom ma jafux eżatti x’ġara. Jista’ jkun li l-ilma li kienu fih tant tħallat mal-fuel li b’konsegwenza ta’ dan, in-nies li kienu fih intilfu minn sensihom. Li hu ċert hu li t-22 immigrant mietu mewta traġika.
Dawk li ġew salvati huma fost il-madwar 2,000 immigrant li ġew salvati nhar l-Erbgħa li għadda u li ttellaw Sqallija bl-għajnuna ta’ dgħajjes ta’ salvataġġ Spanjoli u Taljani.