Kull Gvern ikollu jiffaċċja deċiżjonijiet ibsin, li jkunu jridu l-ħsieb u li kultant mhux neċessarjament l-aħjar deċiżjoni tkun dik li se tintogħġob mill-maġġoranza.
Dan il-Gvern mhux eċċezzjoni u f’dawn l-aħħar tliet snin kien hemm diversi ċirkustanzi li jirrikjedu deċiżjonijiet, partikularment min-naħa tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
B’differenza għall-Gvern preċedenti, li ħafna drabi kellu jieħu deċiżjonijiet b’konsegwenza ta’ avvenimenti li mhux fil-kontroll ta’ pajjiżna, jew saħansitra avvenimenti li ġraw barra mill-pajjiż, bħal fil-każ tas-sitwazzjoni fil-Libja u l-kriżi finanzjarja dinjija, dan il-Gvern kellu jieħu deċiżjonijiet li ġew b’riżultat ta’ aġir irresponsabbli minn esponenti tiegħu stess.
Avvenimenti li setgħu kienu evitati
Il-każ tax-xufier ta’ Manwel Mallia, il-każ ta’ Gaffarena bl-involviment ta’ Michael Falzon, il-każ ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Dawn huma kollha avvenimenti li ġraw minħabba aġir ta’ xi Ministru ta’ dan il-Gvern jew ta’ nies qrib tiegħu.
Avvenimenti li faċilment setgħu jiġu evitati li kieku l-politiku inkwestjoni kien responsabbli biżżejjed u aġixxa b’mod dinjituż. Min-naħa l-oħra, ċertu deċiżjonijiet ma kinux neċessarji kieku l-istess politiku ma kienx iggranfat mas-siġġu tal-poter, u ħa f’idejh ir-responsabbiltà tal-atteġġjament u l-aġir tiegħu minn jeddu u rriżenja. Iżda dan ma sarx, u l-ballun spiċċa f’saqajn il-Prim Ministru.
Minkejja li l-Prim Ministru dejjem saħaq li ma jiddejjaqx jieħu deċiżjonijiet, f’dawn it-testijiet dejjem wera mod ieħor. Il-Prim Ministru wera li hu dgħajjef quddiem sitwazzjonijiet diffiċli. Wera li jsibha bi tqila jieħu passi kontra sħabu. Wera li deċiżjonijiet li mhumiex populisti, joqgħod ‘il bogħod minnhom – għaliex anke hu ggranfat mas-siġġu tal-poter.
Għaliex din id-diffikulta?
Wara dan kollu, dejjem tqum il-mistoqsija: għaliex? Meta wieħed jara l-Prim Ministru jevita li jieħu deċiżjoni, anzi kważi jipprova jinjora s-sitwazzjoni bit-tama li din tintesa u jibqa’ kollox għaddej, wieħed ma jistax ma jinkwetax u ma jissuspettax li hemm xi ħaġa li aħna ma nafux, u li qed iżżomm lill-Prim Ministru milli jieħu azzjoni denja u konkreta.
F’kull ċirkustanza dam ma ħa deċiżjoni – iżda finalment x’deċiżjoni ħa? Ħa deċiżjoni li tħallih komdu. Manwel Mallia, tneħħa minn Ministru biex wara ftit reġa’ nħatar. Konrad Mizzi tneħħa minn Ministru għall-Enerġija u tħalla bħala Ministru bla portafoll fl-uffiċċju tal-Prim Ministru u għadu sa din il-ġimgħa stess, fis-Slovakkja, jirrappreżenta lill-pajjiżna fil-laqgħat tal-Ministri għall-Enerġija.
Daħk fil-wiċċ
Il-Prim Ministru ħa azzjoni iva, iżda din l-azzjoni kienet li jqarraq bin-nies. F’kull ċirkustanza, l-ewwel dam biex ħa deċiżjoni, imbagħad taparsi ħa deċiżjoni li meta tara s-sustanza tagħha wieħed jinnota li ftit li xejn se jinbidel – anzi, fil-każ ta’ Konrad Mizzi żiedlu s-saħħa għaliex issa qed jaħdem eqreb tal-Prim Ministru, fl-uffiċċju tal-Prim Ministru stess.
Fiex isarraf dan id-dewmien u d-deċiżjonijiet?
Finalment, dan id-dewmien u deċiżjonijiet, fl-opinjoni tiegħi żbaljati, isarfu f’ħaġa waħda: ħsara lill-pajjiżna. Ħadd ma jista’ jifhem kif l-uniku Ministru involut fl-iskandlu tal-Panama, illum xhur wara għadu jagħmel parti mill-Kabinett ta’ Joseph Muscat u għadu jirrappreżenta lill-pajjiżna f’laqgħat ma’ pajjiżi oħra Ewropej.
Ħadd ma jista’ jifhem għaliex Joseph Muscat ma kellux, mhux il-kuraġġ, iżda d-diċenza li jieħu azzjoni kontra l-Ministru li tappan isem Malta u poġġa lil Malta fuq il-mappa tal-korruzzjoni.
Ħadd ma jista’ jifhem, x’hemm li qed iżomm lil Joseph Muscat milli jieħu azzjoni kontra Konrad Mizzi u favur id-dinjità ta’ pajjiżna.