Ħafna ġenituri ta’ tfal li jmorru skejjel tal-Knisja u tal-Privat jinsabu fil-limbu dwar it-tariffi li se jkollhom iħallsu għat-trasport tal-iskola mis-sena skolastika li jmiss.
Dan għaliex xi operaturi ħabbru żidiet – iżda fl-istess ħin qed issir investigazzjoni dwar jekk dawn iż-żidiet jiksrux ir-regoli tal-kompetizzjoni. Fid-dawl ta’ dan kollu, jidher li l-Gvern m’għandux alternattiva għal dawn il-ġenituri.
Il-Gvern m’għandu l-ebda alternattiva għall-ġenituri ta’ tfal li jmorru skejjel tal-Knisja u tal-Privat u li mis-sena skolastika li ġejja se jkollhom iħallsu tariffi għola għat-trasport tal-iskola.
Fl-aħħar ġimgħat, diversi ġenituri li jibgħatu lit-tfal fl-iskejjel tal-Knisja jew tal-Privat bit-trasport pubbliku, ilmentaw dwar żidiet li xi operaturi tat-trasport tal-iskola se jkunu qed jimponu mis-sena skolastika li jmiss.
F’tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbi mid-Drittijiet tal-Konsumatur Clyde Puli, il-Ministru Helena Dalli qalet li bħalissa l-Awtorità Maltija dwar il-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur qed tagħmel investigazzjoni dwar jekk iż-żieda minn wieħed mill-operaturi jikkostitwix ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. L-investigazzjoni għadha ma ntemmitx.
Fil-mistoqsija tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni staqsa jekk saritx analiżi mill-Awtorità dwar x’inhuma l-alternattivi għall-ġenituri biex ma jħallsux dawn it-tariffi għola meta tibda s-sena skolastika l-ġdida. Iżda l-Ministru, fit-tweġiba tagħha ma tatx risposta dwar jekk il-ġenituri affettwati hux se jkollhom alternattiva.
F’tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari separata iżda dwar l-istess suġġett, il-Ministru l-anqas ma kkommettiet li l-Gvern, permezz tal-Awtorità, idaħħal fis-seħħ xi miżura temporanja biex ma jidħlux fis-seħħ iż-żieda fit-tariffi qabel ma tiġi konkluża l-investigazzjoni li qed issir dwar dawn iż-żidiet.
Fl-aħħar budget, il-il-Gvern ta’ għajnuna finanzjarju lill-ġenituri li jibgħatu t-tfal fl-iskejjel tal-Knisja u tal-Privat bit-trasport tal-iskola. Il-ġenituri, madanakollu, qed jilmentaw li biż-żidiet fit-tariffi mill-operaturi, l-għajnuna mill-Gvern ġiet ma tiswa xejn u ineffettiva.
Intant, fil-Parlament, il-Gvern kien mitlub jgħid kemm familji se kunu milquta minn dawn iż-żidiet iżda fit-tweġibiet tagħha, il-Ministru Dalli ma pprovdiet l-ebda ċifra. Qalet ukoll li sa’ issa, ma sarux laqgħat mal-ġenituri milquta.
//= $special ?>