Lokali

“Ieqfu parlaw żejjed: Il-kastig ħadnih aħna, il-familja kollha, għax tlifna fjur”

Il-weġgħa għall-familjari wara l-mewt ta’ Tara Licari ma tbattix. Aktar u aktar hekk kif fuq il-media soċjali, ħafna qed jipprovaw iwieġbu mistoqsijiet li għalissa m’hemmx tweġiba għalihom. Ħajjet Tara Licari nsterqet jumejn ilu f’inċident tat-traffiku fil-Kappara. Hi kienet fuq btala f’Malta flimkien ma’ ħuha, li kien qed isuq il-karozza.

Fuq Facebook, il-personalità Ludwig Galea, li inzerta li hu wkoll qarib tal-vittma, talab lin-nies biex jieqfu “jparlaw żejjed”.

“Mhux qed niġġudika lil ħadd, pero noqgħodu attenti x’niktbu għax għandna ħabta nparlaw, nivvintaw, ngħaqqdu biċċa minn hemm u biċċa minn hawn, insiru parti mill-ġudikatura, esperti tas-sewqan u esperti ta’ kollox mingħajr ma nkunu nafu xejn u x’ġara” kiteb Ludwig Galea.

Hu kompla li bħalissa l-familja għaddejja minn diżastru sħiħ li l-anqas “l-agħar persuna f’wiċċ id-dinja” ma jmissha tgħaddi minn dak li għaddiet il-familja f’dawn l-aħħar tlett ijiem. “Jekk jogħġobkom, kunu prudenti” talab Ludwig Galea.

“Il-kastig ħadnih aħna, il-familja kollha, għax tlifna fjur” tenna l-kantant. “Jekk jogħġobkom ieqfu parlaw żejjed. Naħseb weġġajna biżżejjed” temm jgħid Ludwig Galea

Ludwig Galea