Quddiem l-isfidi terroristiċi li reġgħu xirfu bla kundanna proprju l-ġimgħa li għaddiet f’Nizza fi Franza fejn inħasdu mijiet ta’ ħajjiet, l-Ewropa magħquda sabet quddiem għajnejha r-realizzazzjoni ta’ qagħda inkwetanti li qajla tista’ tintrebaħ: dik tat-terrur.
It-theddida tal-libertà
Franza, il-pajjiż tal-libertà, l-ugwaljanza u l-fraternità milqut mill-ġdid minn attakk fuq il-libertà li jxekkel is-sostenibbiltà demokratika. Fil-qalba tal-Unjoni Ewropea – anke jekk ’il quddiem għad nesperjenzaw sitwazzjoni simili għal dik tar-Renju Unit – Franza hi strateġika jekk xejn, simbolikament għall-prinċipji li tħaddan u li ilha tħaddan u ssaħħaħ sa minn żmien ir-revoluzzjoni Franċiza ’l fuq minn 200 sena.
Ma’ kull attentat ta’ aljenazzjoni demokratika fl-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi kollha jxerrdu demgħa, imma aktar minn hekk, ixerrdu l-biża’ fit-tama li pajjiżhom ma jintlaqat qatt. L-Istat Iżlamiku li refa’ responsabbiltà għall-attakk hu aktar perikoluż meta jkun qed jidher minn taħt. U quddiemu, l-Ewropa tinsab mansa bil-ħasda ta’ sitwazzjoni li qiegħda toftoqha minn tulha u ċċaqċaq l-istabbiltà fundamentali tal-libertà.
Għax jekk ma hemmx il-libertà, ma hemmx Unjoni Ewropea u t-terroriżmu jċaħħad il-libertà għall-ħajja u l-espressjoni – esperjenzajnieha fl-attakk ta’ Charlie Hebdo xhur ilu.
Għalhekk, kif Pariġi tinsab f’luttu, għarkopptejha milquta minn attakk wara ieħor, irridu nagħrfu devjazzjoni mill-prinċipji fundamentali ta’ Franza, fejn il-libertà tinsab mhedda, il-fraternità tissarraf f’mibegħda u l-ugwaljanza titnissel f’razziżmu li għad trid tkompli ssaħħaħ il-firda bejn il-ġnus.
Dak li Hannah Arendt ssejjaħlu “il-banalità tal-ħażin”, dakinhar rajnieh jheżżeż mhux biss lill-Pariġi, lill-Franza, imma wkoll lill-Ewropa kollha. Meta tikkonsidra l-atti terroristiċi, tinnota mhux is-saħħa li jridu jimponu fuq Ewropa Demokratika Liberali, imma dgħufija ta’ nies mhedda minn kulturi u fundamenti tagħna l-Ewropej li huma ogħna minn dak kollu li jħaddnu fil-kulturi tagħhom.
Id-Demokrazija għandha Valur
Jidher li fl-Ewropa l-attakki terrorostiċi qed jindraw. Tlett ijiem luttu u nqallbu l-paġni tal-almanakk, nittamaw li l-għada jisbaħ jum differenti, sakemm nintlaqtu mill-ġdid. Hemm episodji bħal dan f’Nizza li ma jdumux ma jitilfu l-prijorità hekk kif nilqgħu l-ġrajjiet l-aktar kurrenti, u possibbilment aktar ħarxa.
L-għada tal-attakki fi Franza l-Militar fit-Turkija kellu attentat ta’ Kolp ta’ Stat li falla quddiem il-qawwa tal-President Erdogàn li f’idejh għandu r-responsabbiltà li jqarreb dejjem aktar lit-Turkija lejn sħubija fl-Unjoni Ewropea.
In-negozjati jmorru lura sal-1987, bl-aktar pass strateġiku jkun dak tal-2004 meta t-Turkija abolixxit il-piena kapitali, li iżda, wara dan l-attentat – li għalih Erdogàn innifsu qed jakkuża lill-eżiljat Fetullah Gülen b’tal-aħħar jakkuża lill-President li kien hu nnifsu li orkestra dan kollu minn taħt – l-Ewropa qiegħda mill-ġdid titfa’ dawl ġdid fuq diversi mistoqsijiet li jintrabtu direttament mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-prattika tagħhom fit-Turkija u allura l-applikazzjoni għall-Unjoni Ewropea.
In-nies ħarġet fit-Turkija tiċċelebra r-rebħa f’isem id-demokrazija mingħajr ma tagħraf l-impatt tal-attentat innifsu u l-konsegwenzi li jsegwu jekk Erdogàn jibqa’ fit-tmexxija tal-pajjiż.
Id-demokrazija għandha għax tkun miġġielda imma ma tista’ qatt isservi ta’ attentat biex fi ġlieda għaliha, jittieħdu miżuri li jitbiegħdu minn dak li hu konvenzjonali għar-‘rule of law’ li hi l-prinċipju demokratiku li jqis il-liġi bħala l-mekkaniżmu li jiggverna u li hu ’l fuq minn kull deċiżjoni arbitrarja ta’ individwu – hu min hu – li jirrappreżenta Gvern.
Għaldaqtsant id-demokrazija għandha valur li fit-Turkija qed ikun injorat.
Sfidi Ewropej
Għalhekk, quddiem l-Unjoni Ewropea mmexxija mill-Kummissarju Johannes Hahn – f’idu jinsabu n-negozjati bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea – hemm diversi sfidi li issa donnhom ħadu rikonoxximent ġdid: it-Turkija taħt pressjoni fi ġlieda għad-demokrazija xirfet il-kuluri veri tagħha li għad għandhom ix-xejriet ta’ qabel l-2004.
Ir-‘rebħa’ ta’ Erdogàn iċċelebrata minn ġenerazzjonijiet futuri hi l-fattur l-aktar inkwetanti għat-Turkija u l-Unjoni Ewropea li għaddejja minn sfidi tassew imqanqla: Ir-Renju Unit, Franza u issa t-Turkija biex inħallu għall-mument il-qagħda li teħtieġ attenzjoni dejjem fl-immedjat tal-immigrazzjoni. Dan ix-xenarju kollu ma hu xejn ħlief attentat iddisprat mit-Torok li ma għandhomx għażla quddiem ‘dittatura’ demokratika li qed tifni l-libertajiet u għaldaqstant il-vera demokrazija.