Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dalgħodu laqa’ lill-Eżekuttiv-Elett tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) fid-Dar Ċentrali.
Matul il-laqgħa, Simon Busuttil qal li f’idejhom il-membri, b’kollox 13, għandhom responsabbiltà kbira minkejja l-età relattivament żgħira. Fakkar fiż-żjarat li jkollu ta’ kull sena, għall-ħabta ta’ Novembru, fid-Dar Ċentrali mill-istudenti li jkunu se jiggradwaw mill-Università.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dik għalih hi esperjenza ta’ rispett u appoġġ reċiproku għax il-Partit dejjem kien impenjat u se jibqa’ impenjat biex jara li l-investiment fl-Edukazzjoni jibqa’ jiżviluppa.
Simon Busuttil spjega wkoll kif hu konxju li hemm studenti li ma jaslux sal-Università, tant li jrid jara li dawn ukoll jirnexxu fil-ħajja billi jħaddan politika ħolistika.
Min-naħa tagħha, il-President il-ġdid tal-KSU Steph Dalli qalet li fil-ħidma tal-Kunsill se jkun hemm żewġ aspetti li se jaħdmu fuqhom b’mod partikolari: li jkun hemm konnessjoni akbar bejn l-Università u l-postijiet tax-xogħol u li t-tagħlim ma jibqax wieħed formali biss.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia, mill-Whip u Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ David Agius u mir-rappreżentant tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) Michael Piccinino.
//= $special ?>