L-Awtorita’ Maltija dwar il-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur għadha ma lestietx l-investigazzjoni dwar il-każ tal-pompa tal-petrol tar-Rabat li kienet sfurzata terġa’ tgħolli l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel wara li raħħsithom minn jeddha.
Kien f’Jannar tal-2015, jiġifieri aktar minn sena u nofs ilu, li pompa tal-petrol fir-Rabat riedet traħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel. Madanakollu, kellha treġġa’ lura d-deċiżjoni wara pressjoni mill-kumpanija li tissuplixxi l-petrol u d-diesel.
F’Mistoqsija Parlamentari mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-Affarijiet tal-Konsumatur Clyde Puli, l-Oppożizzjoni staqsiet jekk l-investigazzjoni ġietx konkluża min-naħa tal-Uffiċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorita’ u jekk iva, x’kienu l-konklużjonijiet.
Madanakollu, fir-risposti tagħha, il-Ministru responsabbli mill-kompetizzjoni Helena Dalli qalet li l-Uffiċju għadu fil-proċess li jiffinalizza d-deċiżjoni. Spjegat li l-Uffiċju kien ħareġ stqarrija ta’ oġġezzjonijiet lill-partijiet investigati, ingħata aċċess għall-file tal-każ, u wara l-partijiet ippreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub u żviluppaw l-argumenti bil-fomm.
Il-każ kien qanqal reazzjoni qawwija mill-pubbliku, partikolarment għall-fatt li kellha tkun pompa tal-petrol – u mhux il-Gvern – li jieħu l-pass li jraħħas il-petrol u d-diesel. Dan fid-dawl ta’ tnaqqis qawwi fil-prezzijiet internazzjonali. Oħrajn kienu kkritikaw il-pressjoni li kienet saret fuq il-pompa tal-petrol biex terġa’ tgħolli l-prezzijiet, peress li dan imur kontra l-prinċipji tas-suq ħieles.
//= $special ?>