BLOGS

Il-qtil f’isem allah

 Tuneżija: 26 ta’ Ġunju 2015 – attakk terroristiku – 45 mejta
Kuwajt: 26 ta’ Ġunju 2015 – attakk terroristiku – 27 mejta
 Somalia: 26 ta’ Ġunju 2015 – attakk terroristiku – 70 mejta
 Franza: 13 ta’ Novembru 2015 – attakk terroristiku – 129 mejta
 Belġju: 22 ta’ Marzu 2016 – attakk terroristiku – 32 mejta + 3 terroristi
Istanbul: 28 ta’ Ġunju 2016 – attakk terroristiku – 44 mejta
 Bangladesh: 1 ta’ Lulju 2016 – attakk terroristiku – 28 mejta
Franza: 14 ta’ Lulju 2016 – attakk terroristiku – 112 mejta

Dawn it-tmien attakki terroristiċi seħħew fi ftit aktar minn sena. Fihom inqatlu 487 persuna u sfaw feruti 1,246 persuna oħra. Kollha vittmi innoċenti.
X’hemm komuni f’dawn l-attakki kollha. Kollha ġew rivendikati minn dak li jsejjaħ lilu nnifsu, Stat Iżlamiku, u komunement magħruf bħala ISIS. Li hemm komuni wkoll li fl-attakki kollha, it-terroristi li wettquhom esklamaw kemm-il darba l-frażi: “allah hu akbar”. Bħal donnhom iridu jimplikaw li dan il-qtil feroċi ta’ vittmi innoċenti, kienu qed jagħmluh f’isem “alla” li huma suppost jemmnu fih.

Fundamentaliżmu estrem
Iżda fil-verità dan il-qtil kollu sar sforz il-fundamentaliżmu estrem li hu radikalizzat f’dan il-grupp ta’ persuni li qed jitterrorizzaw id-dinja, dejjem suppost f’isem “allah.”
Fid-dinja, inkluż fl-Ewropa, hawn miljuni ta’ Musulmani li jemmnu f’“allah”, li mhux talli ma jirrikorrux għal atti feroċi bħal dawn, talli jikkundannawhom bil-qawwa kollha. Fil-fatt, hu ppruvat, li wħud mill-vittmi ta’ dawn l-atti terroristiċi huma ta’ twemmin Musulman huma stess.
Għalhekk jiżbalja min jitfa’ l-ħtija ta’ dawn l-attakki terroristiċi fuq il-Musulmani. Il-maġġoranza ta’ dawk li jħaddnu dan it-twemmin huma nies paċifisti u deċenti li mhumiex fundamentalist u ma jaslu qatt biex iwettqu attakki infami bħal dawn.
Kull min iħobb il-libertà u d-demokrazija u jrid jiġġieled kontra dawn l-atti terroristiċi, irid jiġġieled il-fundamentaliżmu u mhux lil xi reliġjon.

Estremiżmu Kattoliku
Il-fundamentaliżmu hu twemmin reliġjuż – hi x’inhi r-reliġjon – interpretat u pprattikat fil-forma litterali estrema tiegħu. Aħna nafu li l-estremiżmu hu dejjem ħażin. U f’kollox.
Sa ftit tas-snin ilu, anke l-estremiżmu Kattoliku li nemmen fih jien u ħafna minnkom, kien ħalla numru kbir ta’ vittmi innoċenti. Dak il-fenomenu kien ristrett għal pajjiż wieħed biss – l-Irlanda ta’ Fuq – fejn il-Kattoliċi estremisti qatlu numru ta’ persuni, fil-parti l-kbira Protestanti, suppost f’isem Alla. B’xorti tajba illum dan il-fenomenu waqaf u kważi spiċċa għalkollox.
Imma l-massakri li qed iwettqu l-ISIS, jinħtieġu risposta soda, koerenti u globali, li tindirizza l-fundamentaliżmu. Irridu azzjoni li l-ewwel u qabel kollox tassigura li lil dawn in-nies ma jibqgħux jaslulhom armamenti li bihom iwettqu dawn il-massakri.
Jinħtieġ li jkunu indirizzati l-ħtiġiet tal-persuni, inkluż bl-edukazzjoni, qabel ma dawn iħossu li għandhom jingħaqdu ma’ dan il-grupp fundamentalist. Irridu risposta globali għax it-theddida mhix ristretta biss għall-Ewropa, imma għad-dinja kollha.