Skont Andrew Mangion, is-suspettat ewlieni fil-qtil ta’ Eleanor Mangion Walker, il-mara nqatlet minn żewġt irġiel hi u kienet ħierġa mill-garaxx tagħhom fis-Swieqi.
Dan ħareġ hekk kif il-Qorti qed tisma’ l-kumpilazzjoni tal-każ wara li l-ġimgħa li għaddiet, Mangion wieġeb mhux ħati għall-qtil tal-eks mara tiegħu. Il-ġisem mejjet ta’ Eleanor Mangion Walker kien instab f’borża f’maħżen f’Ħal Qortmi fit-3 ta’ Lulju li għadda.
Fil-Qorti, l-Ispettur Keith Arnaud qal li waqt l-interrogazzjoni, is-suspettat qal li hekk kif l-eks mara tiegħu kienet ħierġa mill-garaxx, iddaħħlet lura minn żewġt irġiel armati b’pistola, li żammew kemm lill-vittma kif ukoll lis-suspettat b’pistola ma’ rashom. Ftit wara, wieħed mill-irġiel beda jagħti daqqiet ta’ injama fuq ras il-vittma, sakemm tħalliet għall-mejta.
Skont is-suspettat, wara li l-irġiel ħarbu, hu ppannikja għax beża’ li se jingħata t-tort għall-qtil ta’ Mangion Walker – u kien għalekk li ppakkja ġisem il-mara f’basket u ttrasportah f’maħżen f’Ħal Qormi, fejn instab mill-Pulizija wara tip-off minn Grezzju Micallef, iz-ziju tas-suspettat, li rrifjuta li jgħin lil Andrew Mangion fit-trasport tal-ġisem mill-garaxx fis-Swieqi għall-maħżen f’Ħal Qormi.
Il-Maġistrat Doreen Clarke semgħet ukoll kif Andrew Mangion prova jħassar l-evidenza kollha tant li kien qed jikkunsidra li jaħraq il-ġisem tal-vittma. Apparti minn hekk, prova jneħħi t-traċċi tad-demm b’kimika. Dan minkejja li l-Pulizija xorta waħda sabet traċċi tad-demm fil-garaxx fis-Swieqi kif ukoll fil-vann hyundai tas-suspettat.
L-Ispettur Keith Arnaud qal li s-suspettat ma weġibx meta waqt l-interrogazzjoni kien mistoqsi għaliex ħaseb li kien se jingħata t-tort, speċjalment minħabba l-fatt li ma kienx hemm storja ta’ vjolenza domestika bejn Andrew Mangion u Eleanor Mangion Walker. Meta, waqt l-interrogazzjoni, is-suspettat kien mistoqsi għaliex bagħat numru ta’ messaġġi bil-mobile lill-eks mara tiegħu minkejja li kien jaf li mejta, Mangion wieġeb lill-Pulizija li għamel dan biex jipprova juri li ma kellux x’jaqsam mal-qtil tagħha.
Fil-kumpilazzjoni, il-Qorti semgħat kif is-suspettat staħba f’għalqa li għandha l-familja tiegħu għal jumejn sħaħ sakemm ta ruħu b’idejh lill-Pulizija. Malli mar minn jeddu għand il-Pulizija, ir-raġel ittieħed l-isptar Mater Dei fejn hemmek qal lit-tobba li aħjar qatel lilu nnifsu. Kien hawnekk meta r-raġel ittieħed l-isptar Monte Karmeli.
Ir-raġel kien interrogat għall-ewwel darba fit-12 ta’ Lulju li għadda u ftit wara tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ Eleanor Mangion Walker bis-suspettat iwieġeb mhux ħati.
L-Avukat Joe Giglio qed jidher għall-akkużat filwaqt li l-Avukati Michael Sciriha u Lucio Sciriha qed jidru parte civile għall-familja tal-vittma.