BLOGS

Il-vilipendju u lil hin minnu

Dan l-aħħar ħafna tkellmu fuq is-suġġett tal-vilipendju tar-reliġjon u ntqalu barkata ħmerijiet. Naħseb tajjeb li nispjega ftit għala l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-Parlament tkellmet u vvotat kontra l-liġi tal-Gvern biex dan ma jibqax delitt.
Qabelxejn, ftit loġika ma tagħmilx ħażin. Hu kontrosens li l-Gvern, għax taparsi motivat mill-ħsieb li jrid jagħti iktar libertà lill-artisti biex ikunu jistgħu jesprimu ruħhom, neħħa t-tkasbir u ż-żebliħ tar-reliġjon, hi liema hi, mill-Kodiċi Kriminali però fl-istess ħin ma jara xejn ħazin li min jinsolenta (li hi inqas gravi mill-vilipendju) lill-Kap tal-iStat jew il-Prim Ministru (huma min huma, tal-lum u ta’ pitgħada).

Ma naqbel xejn
Jekk l-artist qed iħossu fgat milli jesprimi ruħu minħabba li t-tkasbir tar-reliġjonijiet hu reat, mhux qed iħossu fgat għax ma jistax jinsolenta lill-President jew lill-Prim Ministru? Ovvjament, u kif għamiltha ċara fil-Parlament nagħmilha hawn ukoll, ma naqbel xejn li xi ħadd jinsolenta lill-Kap tal-iStat jew lill-Prim Ministru u hu sewwa li dan kien u jibqa’ reat kriminali. Imma għal dan il-Gvern, il-loġika fil-ħsieb mhix tant abbundanti.
Kieku l-Gvern kien veru ġenwin fil-mottiv tiegħu, kien jaċċetta l-proposta tagħna li neżentaw lill-artisti waqt produzzjonijiet letterarji jew artistiċi mir-reat tal-vilipendju. Jien stess ipproponejt li nagħtu l-istess protezzjoni (li sa ġimgħa ilu l-liġi ma kinetx tagħti) lil kull reliġjon u anke lill-ateu li għandu wkoll il-jedd li ma jħaddan ebda fidi. Imma l-Gvern li jisma’ ma riedx jisma’.
Biex naraw kemm l-argument tal-Gvern hu fjakk, araw li fl-istess hin li issa tista’ tkasbar u żżeblaħ lir-reliġjon qisu xejn mhu xejn, jekk tażżarda toffendi lill-bandiera Maltija għandek tliet xhur ħabs (art. 5 tal-Ligi tal-iStampa).
Jekk tażżarda tkasbar lill-arma jew siġill pubbliku ta’ Malta (coat of arms) għandek multa qawwija ta’ eluf ta’ ewro. Però, jekk tkasbar lir-reliġjon uffiċjali tar-Repubblika ta’ Malta dak mhux reat issa, grazzi għall-Gvern falz li għandna.

Liberaliżmu ateu
Issa nistgħu, f’isem alla falz tal-liberaliżmu ateu, noffendu, inżebilħu, inkasbru bl-aħrax, u mhux b’sempliċi kritika jew sarkażmu, lil dak Alla Etern li int tqim, lil dak il-profeta Mohammed li għalik hu għażiż, lil dik l-istilla ta’ David li tfisser immens għall-Ġudaiżmu, bla ebda xkiel. Però ara jfettilek tittanta tinsolenta ftit lill-Prim Ministru, hu min hu, waqt xi dimostrazzjoni għax dak delitt kien u għadu.
Inkomplu. Intqal mill-Gvern li ma jistax ikun nibqgħu moħħna magħluq u ma nimxux mal-progress. Apparti li għad irrid nitgħallem xi progress hu li s-soċjetà tistieden l-għawġ u l-inkwiet għax ma tkunx tista’ trażżan lil min ikasbar lil xi reliġjon, hi liema hi, tajjeb naraw li fl-Ewropa llum għad hemm diversi pajjiżi, uħud ħafna u ħafna iktar liberali minn Malta, li żammew il-vilipendju tar-reliġjon bħala reat proprju bħala deterrent kontra l-ksur tal-bon ordni.
Spanja, pajjiż fejn saħansitra l-abort mhux reat, żammet piena ta’ ħabs sa sena għal min ikasbar lil xi reliġjon. L-Italja, fejn wara l-Konkordat tal-1983 ir-reliġjon Kattolika ma baqgħetx dik uffiċjali tal-iStat, il-vilipendju għadu reat kriminali.
Fl-Awstrija, fil-Ġermanja, fil-Finlandja u fid-Danimarka, il-vilipendju għadu reat kriminali. Saħansitra fid-Danimarka, pajjiż liberali ħafna, sa sena ilu, il-Parlament Daniż meta kien mitlub jara jekk wasalx iż-żmien li jneħħih minn reat kriminali, ħareġ rapport studjat u qal li għandu jibqa’ reat proprju minħabba l-bon ordni u l-paċi tan-nies, iktar u iktar fiż-żminijiet imqallba li qed ngħixu fihom.

Għamlitha ċara
Anke l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu għamlitha ċara f’diversi sentenzi li r-reat tal-vilipendju tar-reliġjon mhux kontra d-dritt tal-libertà tal-espressjoni għax kwalsiasi ħaġa li “ma ġġibx ’il quddiem id-dibattitu politiku fil-pajjiż” ma jistħoqqilhiex ebda protezzjoni. Għax ħadd m’għandu l-jedd li jipprovoka billi joffendi s-sentimenti reliġjuzi ta’ ħadd: “The State has an obligation to avoid expressions that are gratuitously offensive to others and thus an infringement of their rights, and which therefore do not contribute to any form of public debate capable of furthering progress in human affairs. Citizens have a right not to be offended in their religious feelings by publications. The State has a responsibility to ensure the peaceful enjoyment of believer’s rights under the right to freedom of religion”
L-aħħar kelma. Hu giddieb min jgħid li bir-reat tal-vilpendju ħadd ma seta’ jikkritika lir-reliġjon. Mhux veru. Hemm diversi sentenzi tal-Qrati tagħna u barranin li l-vilipendju hu ħafna agħar u iktar minn kritika, sarkażmu, irononija jew xi parodija. Il-vilipendju hu l-agħar forma ta’ tkasbir u żeblih.
Il-liġi li l-Gvern għamel ġimgħa ilu ma tiddefendi ebda dritt. Toffendi biss l-emozzjonijiet u s-sentimenti reliġjużi ta’ bosta li għandhom twemmin, hu x’inhu. Imma dan progress hux?