L-Assoċjazzjoni tal-Piloti tal-Airmalta (ALPA) ressqet fil-Qorti risposta għall-Mandat ta’ Inibizzjoni li kien tressaq kontra l-Assoċjazzjoni mil-linja nazzjonali tal-ajru. F’kummenti lill-media, il-President tal-ALPA Domenic Azzopardi qal li l-Mandat ta’ Inibizzjoni xxokkja lil kulmin għandu għal qalbu d-drittijiet tal-ħaddiema.
Bir-risposta li l-ALPA ressqet fir-Reġistru tal-Qrati Maltin, l-Assoċjazzjoni qed tagħmilha ċara li m’hix se toqogħod siekta għat-theddida mill-kumpanija fuq id-demokrazija u fuq id-dritt kostituzzjonali li għandha. L-ALPA qed issostni li l-piloti Maltin huma responsabbli u li kwalunkwe azzjoni industrijali li se jieħdu tittieħed b’rispett lejn is-sostenibbiltà tal-kumpanija.
Domenic Azzopardi kompla li l-Piloti Maltin jinsabu mweġġa’ li l-Airmalta ppruvat tpenġihom bħala ħaddiema għażżiena li ma jridux jaħdmu aktar minn 50 siegħa fix-xahar. Semma’ wkoll kif l-ALPA tinsab inkwetata wkoll dwar il-futur tal-kumpanija minħabba deċiżjonijiet ħżiena mill-Management, fosthom fejn jidħol tberbiq ta’ flus.
L-Air Malta kienet ressqet Mandat ta’ Inibizzjoni kontra l-unjin tal-piloti biex il-membri tagħha ma jieħdux azzjonijiet industrijali. L-Air Malta sostniet li l-azzjoni industrijali tista’ tippreġudika l-operat tal-kumpanija, filwaqt li taffettwa n-negozjati li għaddejjin mal-Alitalia.
//= $special ?>