BLOGS

Lejn politika onesta, li tista’ tafda

Hekk kif ninsabu f’dawn il-jiem sħan tas-sajf, hu tajjeb li nieħdu pawsa mill-politika waqt li naħsbu ftit fuq dak li għaddejna bħala pajjiż sforz id-deċiżjonijiet u l-għażliet tal-Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Ngħid għalija dawn il-jiem ta’ mistrieħ inħobb nużahom ukoll biex naħseb dwar dak li jien u l-Partit tiegħi stajna għamilna aħjar u dak li effettivament għamilna b’mod tajjeb fl-aħħar xhur. Hu importanti li kultant nagħmlu eżami tagħna stess biex nifhmu fejn sejrin.
Fl-istess waqt hu imperattiv li mhux biss inħarsu lejn dak li qed jagħmel l-avversarju politiku tagħna iżda nkunu konxji tal-aspetti pożittivi u negattivi li qed jirrenjaw fil-Partit tagħna stess.
Bl-akbar umiltà nħoss li l-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kap Simon Busuttil, qed joffri politika li tista’ tafda. Din hi politika onesta bi proposti li se jkunu qed jitwettqu kemm-il darba nkunu mogħtija l-fiduċja elettorali fl-elezzjoni ġeneral li jmiss.

Stejjer ta’ skandli
Dawn l-aħħar xhur l-aħbarijiet lokali kienu mifnija bi stejjer ta’ skandli dwar il-Gvern ta’ Muscat. Hu fatt magħruf li Muscat kien taħt skrutinju u s-sitwazzjoni għal dan il-Gvern m’hijix sabiħa u dan wassal biex il-Partit Laburista qed inaqqas mhux ftit mis-saħħa politika li kellu f’dawn l-aħħar tliet snin.
Fl-isfond ta’ dan kollu, u partikularment għaliex Joseph Muscat qed jagħżel li jimxi b’dan il-mod, Simon Busuttil għamilha l-missjoni tiegħu li jnaddaf is-sistema politika f’pajjiżna darba għal dejjem. Għal Busuttil u l-Partit Nazzjonalista, pajjiżna jixraqlu aħjar!
Hu propju għalhekk li f’din il-leġiżlatura, il-PN diġà ħareġ b’aktar minn 100 proposta biex inaddaf il-politika lokali, fosthom:
1. li l-ogħla karigi tal-pajjiż jintgħażlu b’żewġ terzi fil-Parlament;
2. li l-kuntratti li jagħmel il-Gvern jiġu ppubblikati;
3. li min jaħdem mal-Gvern, ma joqgħodx jattakka lil ħaddieħor fuq il-blogs;
4. li tissaħħaħ il-liġi biex il-ġurnalisti u l-pubbliku jingħataw l-informazzjoni;
5. li min jinħatar fuq bordijiet pubbliċi, jkollu jgħaddi minn smigħ quddiem il-Parlament.

Sar duħħan
Il-PN ħassejna li kellna nressqu dawn il-proposti għaliex jidher ċar li l-kelma ta’ Muscat illum ma saret tiswa xejn u dan għaliex fost oħrajn qabel l-elezzjoni kien jitkellem bi kliem sabiħ li llum sar duħħan. Ejjew ma ninsewx li qabel l-elezzjoni kien wiegħed:
1. li mhux se jipprivatizza l-Air Malta, issa qed jipprivatizzaha;
2. li mhux se jiprivatizza l-Enemalta, wara li għaddiet l-elezzjoni, ipprivatizzaha;
3. wiegħed trasparenza, iżda issa l-kuntratti kollha li nnegozjaw Keith Schembri u Konrad Mizzi baqgħu ma ġewx ippubblikati;
4. wiegħed meritokrazija, wara l-elezzjoni ħatar lin-nies tal-klikka tiegħu fl-ogħla karigi fil-pajjiż u daħħal mijiet tal-klikka f’positions of trust;
5. wiegħed Malta Tagħna Lkoll, ħamest ijiem wara l-elezzjoni kienu diġà bdew jinfetħu l-kumpaniji sigrieti ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Dawn il-punti kollha huma konferma ta’ kemm dan hu Gvern ta’ ngann u li sfortunatament qed iwassal lil pajjiżna fl-isqaq. Ejjew inqumu fuq saqajna u nopponu l-ħażin u nagħtu l-appoġġ tagħna lil min qed jaħdem biex is-sewwa jirrenja.
Ejjew ma niddejqux nopponu lil min rebaħ l-elezzjoni ġenerali b’maġġoranza kbira u llum qed jidħaq bil-poplu. Ejjew inkunu aħna li nagħtu tama lil dan il-pajjiż u ejjew ma niddejqu xejn nuru li aħna mal-Partit Nazzjonalista għaliex illum dan hu l-partit li qed iwassal u jitkellem dwar l-aspirazzjonijiet tal-poplu kollu!