Lokali

Muscat għandu jagħti spjegazzjoni ta’ kif biegħ il-Passaport Malti lil MP tal-Vjetnam – il-PN

Passaport Malti

Aktar minn 48 siegħa wara li ġie żvelat li l-Parlament tal-Vjetnam keċċa waħda mill-Membri Parlamentari tiegħu wara li nstab li kisret il-Liġi meta xtrat il-Passaport Malti, il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu ma lissen l-ebda kelma dwar dan il-każ, li jqajjem suspetti serji dwar il-proċess ta’ ‘due diligence’ li suppost qed isir qabel jinbiegħ il-Passaport Malti.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li f’dan il-każ, hu evidenti li l-proċess ta’ ‘due diligence’ ma sarx inkella ma kienx wieħed effettiv għax il-Passaport Malti nbiegħ lil persuna li mhux biss qed tikser il-Liġi, iżda hi wkoll ‘politically exposed person’.

Fid-dawl ta’ dak żvelat, u li 48 siegħa wara għadu ma ġiex miċħud, il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li Muscat jikkjarifika l-pożizzjoni tiegħu, jgħid xi studju sar dwar din il-persuna qabel inbiegħilha l-Passaport Malti u x’passi ttieħdu wara li din tkeċċiet mill-Parlament tal-Vjetnam.

Il-Partit Nazzjonalista kompla li dan il-każ juri wkoll kif pajjiż bħall-Vjetnam qed jagħti tagħlima lill-istess Muscat ta’ kif għandhom jimxu l-affarijiet.

Filwaqt li fil-Vjetnam, Deputat li abbużat mill-poter tkeċċiet b’mod immedjat mill-kariga li tokkupa, f’Malta ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi sabu d-difiża assoluta ta’ Muscat minkejja li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama, temmet tgħid l-istqarrija.