Ittra ppubblikata llum mill-Awditur Ġenerali kienet waħda bla preċedent għax qatt qabel ma kien hemm għalfejn li istituzzjoni indipendenti toħroġ ittra biex tiddefendi l-indipendenza tagħha. Għaldaqstant, din l-ittra dwar l-attakk feroċi li għamel id-Deputat Laburista Michael Falzon fuq l-Awditur Ġenerali titlob risposta denja u azzjoni deċiżiva mill-Prim Ministru.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, fejn appella lil Muscat biex jitkellem u jiddeċiedi. Il-Partit Nazzjonalista kompla li l-Prim Ministru ma jistax jibqa’ sieket anke fuq ħaġa bħal din. Jekk jibqa’ sieket, Muscat ikun qed jaqbel mal-attakk ta’ Michael Falzon u jimmina l-indipendenza ta’ waħda mill-ftit istituzzjonijiet li għad baqa’ tassew indipendenti.
Il-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat jikkwota lill-Awditur Ġenerali kif u fejn jaqbillu biss, iżda mhux kapaċi jieħu d-deċiżjoni t-tajba, bħal fil-każ ta’ Konrad Mizzi, ta’ Keith Schembri, ta’ Alfred Mifsud u issa anke fil-każ ta’ Michael Falzon, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>