Lokali

Ritratt: Ħamiem jinstab ivvelenat madwar il-Belt Valletta

Mill-inqas 15-il ħamiema dalgħodu nstabu mejta mad-dawra tal-Belt Valletta, allegatament wara li ġew ivvelenati b’velenu mħallat mal-ħobż.

Dan kien żvelat fil-grupp RUBS Puppy Love minn persuna li ġabar dawn il-ħamiem, fosthom waħda li kienet qed tmut, bid-demm ħiereġ minn ħalqha, kawża ta’ dan l-allegat avvaleniment.

Mhux magħruf min wettaq dan l-att, u jekk kienx hemm l-approvazzjoni biex dan isir bħala parti minn miżuri biex titnaqqas il-popolazzjoni tal-ħamiem salvaġġ. Fl-aħħar xhur azzjoni minn diversi Kunsilli Lokali li bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet krew persuni biex jisparaw u joqtlu l-ħamiem minħabba ħsara fuq il-proprjetà privata, ħmieġ u mard, ħolqot kontroversja sħiħa.

L-istess persuna allega li dan l-ikel saħansitra ttiekel minn klieb u qtates, u waħħal f’dan għat-tnaqqis tal-popolazzjoni tal-annimali li kienu abbandunati fil-Belt Valletta.