Lokali

Simon Busuttil ippreżentat bi ktieb dwar il-ġlieda ta’ Ġorġ Borg Olivier favur l-Innu Malti

“Sibt dokumentazzjoni li wrietni faċċata oħra ta’ Ġorġ Borg Olivier li qatt ma konna smajna biha”. F’laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, il-Professur u Storiku Joe Pirotta tkellem dwar il-ktieb li ppubblika fil-ġimgħat li għaddew, bl-isem ta’ “Nation, Pride and Dignity – Borg Olivier and The National Anthem”.

Il-Professur Joe Pirotta spjega li sab dokumentazzjoni li qatt ma kien ra u li mingħajr dubju ħadd qatt ma kien iltaqa’ magħha. Id-dokumentazzjoni titratta l-ġlieda tal-eks Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier biex l-Ingliżi jdoqqu l-Innu Malti bħala l-Innu Nazzjonali tagħna minflok il-God Save The Queen, li kien jindaqq fil-Kolonji tal-Imperu Ingliż.

Lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Professur Pirotta spjega li fil-ktieb hemm diversi taqsimiet li jqishom bħala strumentali fil-ġlieda ta’ Borg Olivier ħalli jibda jindaqq l-Innu Malti.

Dwar jekk f’din il-ġlieda tiegħu, Borg Olivier kellux appoġġ jew le, il-Professur Joe Pirotta, qal li ma jistax jgħid jekk kellux dan l-appoġġ jew le għax l-istil ta’ politika tiegħu ma’ kinitx tad-daqq tat-trombi. Jirriżulta li l-unika darba li Ġorġ Borg Olivier tkellem dwar dak li kien qed jagħmel kien fl-1974 waqt dibattitu parlamentari biex tiġi emendata l-Kostituzzjoni.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li permezz ta’ dan il-ktieb, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jkabbar u jagħti valur lill-istorja tiegħu għal dak li jagħmilna nazzjon wieħed.