L-Awtorità tax-Xandir tisma’ numru ta’ ilmenti mressqa mill-PN kontra l-PBS
Skont il-PBS, il-policies dwar x’jiġi rrappurtat jistgħu jitgħawwġu skont iċ-ċirkustanzi.
Kienet din id-difiża tal-istazzjon nazzjonali meta l-Awtorità tax-Xandir kienet qed tisma’ numru ta’ ilmenti mressqa mill-Partit Nazzjonalista, fosthom ilment dwar il-mod kif il-PBS, immexxi mill-Kap tal-Aħbarijiet Reno Bugeja, ma rrappurtax kummenti tal-eks Mexxej Laburista Alfred Sant meta fuq Facebook qal li l-Ministru Konrad Mizzi għandu jirriżenja minħabba l-iskandlu tal-kumpanija sigrieta fil-Panama.
Dakinhar, għall-kuntlarju tal-kmamar kollha tal-aħbarijiet, l-aħbarijiet tal-PBS ma kienux irrappurtaw dawn il-kummenti, bil-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja jiġġustifika dan billi qal li l-PBS qatt ma tirrapporta kummenti u opinjonijiet, huma ta’ min huma, li jinkitbu fuq Facebook. U dan, b’konsistenza mal-linja editorjali tal-PBS.
Iżda quddiem l-Awtorità tax-Xandir waqt is-smigħ, intwera kif madanakollu, kien hemm ċirkustanzi oħra fejn il-PBS irrapporta kummenti minn Facebook, bl-Avukat tal-PBS Mark Vassallo jgħid li jista’ jkun hemm ċirkustanzi fejn l-editur jista’ jagħżel li jiddipartixxi mill-policy stabbilita. L-Avukat Matthew Paris, li deher għall-Partit Nazzjonalista madanakollu argumenta li Alfred Sant kien l-ewwel esponent tal-Partit Laburista li qal li Konrad Mizzi għandu jirriżenja, u għaldaqstant, kien hemm l-obbligu li l-PBS jirrapporta l-kummenti tiegħu.
Waqt is-smigħ, l-Awtorità tax-Xandir semgħet ilment ieħor imressaq mill-Partit Nazzjonalista, din id-darba dwar in-nuqqas tal-PBS li jirrapporta l-aktar element essenzjali minn stqarrija tal-Partit Nazzjonalista b’reazzjoni għal dak li kien qed jiġi rrappurtat mill-media Laburista dwar id-Deputat Toni Bezzina.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-PBS kellu l-obbligu li b’mod immedjat u b’mod ġust jirrapporta r-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, fosthom il-fatt kien hemm ħaddiema li ssejjħu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista biex jiffirmaw dikjarazzjoni li kienet ġiet ittajpjata fil-Kwartieri tal-Partit Laburista.
U f’każ ieħor, il-Partit Nazzjonalista ilmenta li r-reklami ‘Gvern Li Jisma’ mhumiex sempliċiment avviżi għal-laqgħat ta’ konsultazzjoni, iżda spots politiċi, bil-Partit Nazzjonalista jitlob rimedju billi jingħata l-istess ammont ta’ ħin fuq l-istazzjon nazzjonali biex iwassal il-messaġġ tiegħu. F’dan il-każ, il-Partit Nazzjonalista kien rappreżentat mill-Avukat Francis Zammit Dimech.
Għas-smigħ kien hemm preżenti l-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja u d-Direttur Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista Matthew Bonett. Id-deċiżjoni tingħata f’seduta oħra.
//= $special ?>