F’Jannar tal-1933, il-President Ġermaniż Paul Von Hindenburg appunta lil Adolf Hitler, Kanċellier tal-Ġermanja wara li l-Partit Nażista li Hitler kien imexxi kien ħareġ mill-elezzjoni ġenerali li kienet għadha kemm saret bħala l-akbar partit fil-Parlament Ġermaniż.
Gvern ta’ koalizzjoni li fih il-Partit Nażista kellu biss tliet Ministri, bil-ħsieb ta’ Von Hindenburg ikun li din il-limitazzjoni kellha tkun biżżejjed biex it-tendenzi awtoritarji ta’ Hitler ikunu kontrollati.
Fis-27 ta’ Frar tal-istess sena, jiġifieri fl-1933, il-bini tal-Parlament Ġermaniż f’Berlin spiċċa ħuġġieġa waħda. Hitler malajr irreaġixxa u pponta subajgħ lejn il-Komunisti, is-Soċjalisti u l-mexxeja tal-unions fil-Ġermanja. Iddeskriva l-okkażjoni bħala attakk kontra l-pajjiż, kontra l-ordni kostituzzjonali u kontra s-saltna tad-dritt.
Talab li jingħata poteri speċjali, poteri prattikament dittatorjali sabiex ikun jista’ jegħleb din l-isfida li ‘kienet qiegħda thedded lil pajjiż’. Poter li Hitler uża sabiex kisser lill-kritiċi kollha tiegħu, qered kull forma ta’ libertà politika u beda l-mixja lejn il-politika distruttiva tiegħu li kellha tħalli tant vittmi innoċenti.
Attentat ta’ kolp ta’ stat fit-Turkija
L-istorja tgħallimna li fir-realtà l-famuż nar li ħakem lil bini tal-parlament ma kienx mibdi minn xi Kommunist jew Soċjalist, imma min-Nazisti stess li kellhom bżonn skuża sabiex Hitler jaħtaf il-poter kollu f’idu u jeħles mid-demokrazija li tant kien jobgħod.
Fl-aħħar jiem kullħadd assista għal dak li kien għaddej fit-Turkija. Fi tmiem il-ġimgħa seħħ ‘attentat ta’ kolp ta’ stat’. Huwa ċar li f’każ li l-attentat ta’ kolp ta’ stat kien ġenwin dan huwa att mill-aktar kundannabbli.
Il-gvern Tork preżenti ġie elett b’mandat demokratiku u għandu jitneħħa biss b’mandat demokratiku ieħor u mhux bl-użu tal-forza brutali. Id-dubji mhuwiex fuq l-użu tal-arma tal-kolp ta’ stat, imma fuq kemm kien tassew ġenwin dan l-attentat.
Attentat li fih aktar ma’ joħorġu dettalji aktar qegħdin jispikkaw inċidenti ta’ nuqqas ta’ konsistenza kbira u ppjanar tant ħażin li ċertament ebda bniedem raġjonevoli ma’ jista’ jemmen li pjan ser ikun mibni b’mod hekk fażul.
Żmien li fih Erdogan irid jibdel il-kostituzzjoni
Hemm imbgħad ir-reazzjoni tal-President Erdogan li prattikament wara biss ftit minuti li ‘reġa’ ħa f’idejh il-poter’ kien pront u lest bir-reazzjoni tiegħu. Lista ta’ arresti ma taqta’ xejn, lista ta’ persuni mkeċċija mill-karigi tagħhom ma’ taqta xejn, fosthom anke saħansitra membri tal-ġudikatura u għalliema.
Bħal donnu l-President Erdogan kien ilu jaf x’ser jiġri u allura l-gvern tiegħu lesta l-listi bil-lest! Wieħed jista’ jagħżel li jemmen fil-kumbinazzjonijiet imma bla dubju ta’ xejn il-mistoqsijiet sejrin biss ikomplu jikbru.
Kumbinazzjoni wkoll dan kollu qiegħed iseħħ propju meta Erdogan u t-tmexxija tiegħu qegħdin jaħdmu qatigħ sabiex jibdlu l-kostituzzjoni sekulari tat-Turkija. Saħansitra ħelsu mill-Prim Ministru Davutoglu għaliex prova jopponi r-riformi li jrid Erdogan. Riformi li kumbinazzjoni sejrin jagħtu ħafna aktar saħħa lill-eżekuttiva, lil-President, u jkompli jnaqqru mill-karattru sekulari tat-Turkija.
Kostituzzjoni li tista’ twassal għal deficit demokratiku serju fil-pajjiż
Kostituzzjoni li ħafna qegħdin iwissu li tista’ twassal għal deficit demokratiku serju fil-pajjiż. Kostituzzjoni li naturalment ikun ħafna aktar faċli sabiex wieħed jimplimentaha f’ambjent fejn l-kritiċi kollha jinstabu jew arrestati u jiffaċċjaw il-piena kapitali, jew nkella ’l barra minn kull rwol pubbliku; f’ambjent fejn li tikkritika lit-tmexxija ta’ Erdogan jiġi meqjus bħala att ta’ tradiment nazzjonali.
Forsi dan kollu huwa biss kumbinazzjoni. Ħaġa hemm ċerta iżda; sakemm il-gvern Tork jagħti evidenza ċara li dan it-tip ta’ tħassib mhuwiex minnu, l-Unjoni Ewropea għandha llum qabel għada tissospendi l-proċess tas-sħubija tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea u tiffriża l-applikazzjoni tat-Turkija sabiex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Dan għandu jsir f’ġieħ id-demokrazija u l-libertà u bl-akbar rispett lejn il-vera valuri tat-Turkija ħielsa kif kienet sa ftit taż-żmien ilu.