Jason Farrugia ta’ 33 sena kien ikkundannat għal 13-il sena ħabs u mmultat €23,000 wara li ammetta li ttraffika 15-il kilogramma cannabis bejn l-2009 u 2011.
Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima innutat li fiż-żmien li kien taħt arrest preventiv, l-akkużat wera impenn ċar li jirriforma ruħu. Hu kien involva ruħu f’diversi attivitajiet, inkluż fil-manutenzjoni tal-ħabs, tant li ngħata rikonoxximent uffiċjali mill-Ministru tal-Intern. Hi nnutat ukoll li l-probation officer għamel rapport pożittiv dwar l-akkużat.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti qalet li l-gravita’ tar-reat jimponi sentenza effettiva ta’ ħabs u l-ammont ta’ cannabis kien wieħed sostanjali li l-valur tiegħu hu ta’ €97,000. Dan minbarra li l-akkużat kellu fil-pussess tiegħu 537 pillola ecstasy li għandhom valur ta’ iktar minn €5,000 u 10 grammi kokaina li kellha purita’ ta’ 45%. Li kieku ma kienx għall-intervent tal-pulizija, dawn id-drogi kienu jispiċċaw fis-suq u jkunu ta’ dannu għas-soċjeta’.
Għaldaqstant, il-Qorti trid tagħmel bilanċ bejn il-gravita’ tar-reat u l-kooperazzjoni tal-akkużat li ammetta l-iżball u lest li jħallas il-prezz ta’ dak l-iżball.
//= $special ?>