Lokali

Domandi mhux imwieġba

X’qed jagħmel il-Gvern biex jevita l-falliment tal-Air Malta? Għaliex wasalna sal-punt li fi żmien tliet xhur l-Air Malta tista’ tikrolla? Għaliex għadna ma wasalniex mal-Alitalia? U x’qed jiġri fin-negozjati mal-kumpanija Taljana meta suppost sal-aħħar ta’ Lulju kellu jkun konkluż kollox? Fuq kollox, x’se jiġri mill-ħaddiema tal-Air Malta?

Dawn kienu wħud mill-mistoqsijiet li NETnews ried jagħmel lill-Prim Ministru f’Kastilja. Madankollu, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni f’Kastilja Kurt Farrugia qalilna li Muscat m’għandux ħin għall-mistoqsijiet u għalhekk bqajna bla tweġibiet.

Joseph Muscat sejjaħ lill-media f’Kastilja mhux biex jitkellem dwar l-Air Malta, iżda biex iniedi skema li diġà kienet tħabbret fil-Baġit li għadda. L-iskema hi dik tas-Seed Investment, li l-Gvern ilu sena jaħdem fuqha u li kienet ikkupjata minn mudelli simili f’pajjiżi oħrajn.

Permezz ta’ din l-iskema, għas-17-il xahar li ġejjin, kumpaniji żgħar se jkunu jistgħu jieħdu għajnuna finanzjarja mill-MIMCOL. Min-naħa tiegħu, Muscat qal li hu kommess li, kif għamel bl-iskema tal-Passaporti, anke f’dan il-każ ibigħ l-iskema.

L-iskema għandha l-ħsieb tiġġenera madwar 5 miljun ewro.