Victor Camilleri ta’ 71 sena mir-Rabat Għawdex kien ikkundannat għal 100 siegħa xogħol fil-komunita’ u ordnat irodd lura s-somma ta’ €4,094.15 fi żmien 18-il xahar wara li nstab ħati ta’ frodi, miżappropjazzjoni u falsifikar ta’ dokumenti ta’ bank. Is-somma dovuta hi l-bilanċ li l-ħati fadallu jagħti lill-koppja li kien iffroda.
Il-każ imur lura għall-2001 meta Camilleri kien jieħu ħsieb l-investiment finanzjarji ta’ Margaret Vella u żewġha. Il-koppja Vella kellhom investiment man-National Savings Bank of Glasgow fir-Renju Unit sa mill-1980 u tul iż-żmien, dan l-investiment tela’ għal 7,400 lira Sterlina (madwar Lm4,701). Fuq parir ta’ Camilleri, huma taw struzzjonijiet sabiex jieħdu lura l-flus u jiġu depożitati fl-Abbey National Bank tar-Renju Unit. Malli rċevew iċ-ċekk mingħand il-Bank Skoċċiż, Camilleri qal lill-vittmi biex jgħaddulu l-flus biex hu jagħmel id-depożitu fl-Abbey National.
Iżda dan qatt ma seħħ u rriżultat fil-fatt li l-flus żammhom Camilleri.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti ta’ Għawdex, preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, qalet li filwaqt li s-serjeta’ tar-reati li tagħhom instab ħati l-akkużat jikkwalifikawh għal priġunerija, madanakollu, sentenza ta’ ħabs m’hi fl-interess ta’ ħadd, inkluż tal-istess vittma li qed titħallas lura l-ammont dovut.
Għaldaqstant, il-Qorti ordnat li Victor Camilleri jagħmel 100 siegħa xogħol fil-komunita’ u jrodd lura l-bilanċ ta’ €4,094.15 dovut lill-vittmi fi żmien 18-il xahar.
//= $special ?>