331,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel sitt xhur tal-2016. Madwar 80% tal-karti tal-flus foloz kienu tal-€20 u l-€50. Il-karti kollha tal-euro jistgħu jiġu ċċekkjati bil-metodu “ħoss, ħares u mejjel”.
Din l-informazzjoni kienet ippublikata fi stqarrija tal-Bank Ċentrali Ewropew. Stqarrija li fiha tħabbar li madwar 331,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel sitt xhur tal-2016, 25% inqas mill-aħħar sitt xhur tal-2015. It-total ta’ karti tal-flus foloz jibqa’ żgħir ħafna meta jitqabbel mal-għadd ta’ karti tal-flus tajbin fiċ-ċirkolazzjoni li kulma jmur qiegħed jiżdied (iżjed minn 18.5 biljun fl-ewwel sitt xhur tal-2016).
Hemm is-sistema magħrufa bħala l-Eurosistema li tikkomunika b’diversi modi biex tgħin lin-nies jagħrfu l-karti tal-flus tajbin minn dawk foloz, u biex tgħin lill-kaxxiera professjonali jaċċertaw ruħhom li l-magni li jipproċessaw il-karti tal-flus ikunu kapaċi jidentifikaw b’mod affidabbli u jneħħu l-karti tal-flus foloz miċ-ċirkolazzjoni.
Il-biċċa l-kbira (97.6%) tal-karti tal-flus foloz instabu fil-pajjiżi taż-żona tal-euro. Madwar 1.7% biss instabu fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li mhumiex fiż-żona tal-euro u anqas minn 0.7% instabu f’partijiet oħra tad-dinja.
Il-karta l-ġdida tal-€50, bil-karatteristiċi ta’ sigurtà ġodda, se toħroġ fl-4 ta’ April 2017. Il-manifatturi tal-apparat li jipproċessa l-karti tal-flus u fornituri oħra se jkomplu jsibu l-għajnuna tal-Eurosistema biex jaġġornaw il-magni u t-tagħmir tal-awtentikazzjoni tagħhom għall-karta l-ġdida.
//= $special ?>