Minkejja t-taparsi riforma minn Dipartiment tal-Artijiet għal Awtorità tal-Artijiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat se jibqa’ jkollu kontroll dirett tal-Awtorità tal-Artijiet, kif kellu b’involviment dirett ta’ Kastilja fl-Iskandli tal-Cafe’ Premier u ta’ Gaffarena.
L-ebusija tar-ras ta’ Muscat biex jibqa’ jikkontrolla kollox hi konferma tal-mentalità korrotta ta’ dan il-Gvern Laburista.
Dan qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet Ryan Callus f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha tkellem dwar kif il-Gvern baqa’ jwebbes rasu billi jżomm kontroll assolut tal-Awtorità tal-Artijiet, minkejja l-appelli tal-Oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili, fosthom il-Kamra tal-Periti.
Filwaqt li fakkar f’numru ta’ punti li l-Gvern baqa’ jwebbes rasu fuqhom, Ryan Callus fakkar li, min-naħa l-oħra, l-Oppożizzjoni ressqet numru ta’ emendi li ġew aċċettati u inkorporati fil-Liġi l-ġdida.
Fost dawn hemm dik li jsir proċess ta’ diġitalizzazzjoni tal-mijiet ta’ eluf ta’ dokumenti li jinsabu fid-Dipartiment tal-Artijiet ħalli dawn jiġu diġitalizzati. Fakkar li dan il-proċess kien diġà beda fil-leġiżlatura li għaddiet, iżda għal xi raġuni jew oħra, dan il-Gvern għażel li jwaqqaf il-proċess wara l-elezzjoni ġenerali.
Emenda oħra li tressqet mill-Oppożizzjoni u li ġiet aċċettata kienet li ċ-Chief Officers jintgħażlu direttament mill-Bord tal-Gvernaturi minflok wara sejħa, fejn kull impjegat jingħata ċans japplika. Din hi inġustizzja għall-ħaddiema u sinjal ieħor kemm Muscat irid jibqa’ jżomm kontroll.
Ryan Callus irringrazzja lid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Toni Bezzina u Francis Zammit Dimech għas-sehem importanti tagħhom fil-Kumitat Parlamentari tal-Abbozzi tal-Liġijiet aktar kmieni din il-ġimgħa.
Min-naħa tagħha, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Graziella Galea qalet li hi ħasra li minkejja li l-Parlament qed jiddibatti t-twaqqif tal-Awtorità tal-Artijiet, il-Gvern qed ipoġġi l-interessi personali tiegħu fuq l-interessi nazzjonali.
Hi fakkret kif fl-Iskandlu tal-Cafe’ Premier kien hemm l-indħil dirett ta’ Joseph Muscat, li bl-email privat tiegħu ta l-go-ahead ħalli titħallas is-somma ta’ €4.2 miljun mingħajr l-ebda raġuni.
Fil-każ tal-Iskandlu ta’ Gaffarena, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon intervjena mill-uffiċċju tiegħu f’Kastilja biex Gaffarena sar multi-miljunarju mil-lum għall-għada b’valur ta’ €3.5 miljun.
//= $special ?>