BLOGS

Mela t-tanker tal-gass mhux għal ftit żmien ġej?

Ix-xogħol fuq it-tanker tal-gass li qed jiġi konvertit f’Singapore f’terminal għall-Gass Likwidu Naturali (LNG), biex jissupplixxi u jaħżen il-gass fuq il-baħar fil-bokka tal-bajja ta’ Marsaxlokk, għadu mhux lest. Mingħajru l-power station, li pajjiżna m’għandux bżonn u li mistennija tiswa mal-€400 miljun, anki jekk titlesta, ma tistax titħaddem. Din il-power station kellha tibda titħaddem f’Marzu tas-sena l-oħra, imbagħad iż-żmien ittawwal b’sena u issa reġa’ ttawwal u ma nafux meta se tkun lesta. Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien rabat il-futur tiegħu bħala Prim Ministru mat-tlestija tal-power station f’Marzu 2015. Il-power station ma tlestitx iżda Joseph Muscat għadu hemm. M’hemmx dubju l-poter jogħġbu!

Il-kuntratt għat-tanker/terminal tal-gass ingħata għall-istess perijodu ta’ żmien daqs dak bejn l-Enemalta u l-Electrogas, jiġifieri għal 18-il sena. Ma tistenniex inqas meta tqis li n-nefqa fuq il-konverżjoni ta’ dan it-tanker li l-kumpannija Malasjana Bumi Armidi qed tagħmel, se tiswa €283 miljun!
Li ħadd ma kien jistenna hu li se jkollna nitqannew b’tanker enormi f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk għal perijodu hekk twil ta’ snin, meta suppost dan kellu jkun miżura temporanja sakemm jitqiegħed pajp li jġib il-gass minn Sqallija. Tal-inqas hekk kienu qalulna anki jekk spjegajt kemm-il darba li l-Gvern Nazzjonalista kien ikkummissjona studju dwar pajp bħal dan u nstab li ma kienx vijabbli li jitqiegħed minħabba li l-kumpanija li kienet se twettaq dan il-proġett tal-pajp tal-gass riedet torbotna li nixtru ammont ta’ gass fis-sena, għandna bżonnu jew le. Xi ħaġa li l-Gvern Nazzjonalista, li dejjem l-interess tal-pajjiż u tal-poplu ġie għalih l-ewwel u qabel kollox, ma aċċettax.
Biex mingħalih itaffi l-pillola morra tal-isfreġju li tanker bħal dan jagħmel fuq il-bajja ta’ Marsaxlokk, il-Ministru bla Portafoll Konrad Mizzi (ma nafx jekk verament tilifx dak li kellu qabel għax kien hu li tkellem dwar is-saħħa u l-enerġija, l-istess portafoll li kellu qabel) ħabbar proġett ta’ tisbiħ ta’ €6 miljun għal Marsaxlokk.

Ebda proġett li qed jipproponi li jwettaq il-Gvern Laburista mhu se jneħħi l-kruha u anki l-periklu fil-bajja ta’ Marsaxlokk
Infatti f’Marsaxlokk qaluli li ħdejn il-knisja parrokjali tellgħu tinda bi tlieta min-nies fiha biex juru u jispjegaw lin-nies x’se jagħmlu. Bħas-soltu, proġetti u pjanti, iżda xejn konkret. Dan il-Gvern mingħalih xi ħaġa kbira! Ara dwar il-Panama Papers u l-implikazzjoni tiegħu f’dan l-iskandlu internazzjonali Konrad Mizzi f’laqgħa li kellu mal-istampa dan l-aħħar, ma ried jgħid xejn!
Donnu nesa Konrad Mizzi u l-Gvern tiegħu, li gvernijiet Nazzjonalisti diġà wettqu mill-inqas żewġ proġetti ta’ tisbiħ f’Marsaxlokk mingħajr ma kerrhu l-bajja kif se jagħmel dan il-Gvern! Nesa kemm miljuni ta’ ewro kienu investiti fit-tisbiħ u r-riabiltazzjoni tax-xatt u l-promenade f’Marsaxlokk.
Ebda proġett li qed jipproponi li jwettaq il-Gvern Laburista mhu se jneħħi l-kruha, u anki l-periklu, li se jgħabbu bih il-bajja ta’ Marsaxlokk. Gvernijiet Nazzjonalisti sebbħu x-xatt kollu ta’ Marsaxlokk, sebbħu l-promenade kollu, wessgħu u ppavimentaw l-bankina kollha, sebbħu l-pjazza ta’ quddiem il-knisja b’pavimentar, dwal u għamara ġdida, ħadu ħsieb it-toroq. Wettqu proġetti biex jgħinu lis-sajjieda. Kulma hemm Marsaxlokk illum, ix-Xlukkajri jafuh lill-Gvernijiet Nazzjonalisti.

Il-poplu ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa ma jridx mostrożitajiet f’nofs il-bajja
Il-poplu ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa ma jridx mostrożitajiet f’nofs il-bajja. Ma jridx li tinbena power station li m’hemmx bżonnha u li għadna ma nafux x’hemm marbuta magħha. S’issa għadna ma nafux b’kemm se jinxtara l-elettriku, ma nafux jekk l-Enemalta hix se tkun marbuta li tixtri l-elettriku kollu li se jipproduċi dan l-impjant ġdid anki jekk l-elettriku ġenerat mill-impjant tal-BWSC u mill-interconnector ikun orħos minn dak li se tipproduċi hi.
Dan il-Gvern tela’ b’ħafna wegħdiet fiergħa. B’ħafna qerq. Qarraq bl-elettorat meta qalilhom li se jibni l-power station tal-gass fi żmien sena u li jekk ma tkunx lesta Joseph Muscat jirriżenja.
Qarraq meta qal li ried l-impjant il-ġdid biex iraħħas il-prezz tad-dawl u l-ilma. Il-prezz tad-dawl u l-ilma raħħsu għax sab żewġ proġetti li wettaq Gvern Nazzjonalista li taw lill-pajjiż enerġija bi prezzijiet kompetittivi u għax il-prezz taż-żejt niżel għal prezzijiet li konna ilna snin twal ma naraw bħalhom.

Ir-roħs tal-prezz taż-żejt ħaditu kollu kemm hu l-Enemalta u l-kumpanija li tixtrih
Ara mir-roħs tal-prezz taż-żejt, il-poplu Malti u Għawdxi ma ħa ebda roħs fit-tariffi tad-dawl u l-ilma. Dan ir-roħs ħaditu kollu kemm hu l-Enemalta u l-kumpanija li tixtrih. Ħaduh fuq kollox il-kumpanija li xtrat bir-ribass l-impjant tal-BWSC li jipproduċi l-elettriku bi prezzijiet kompetittivi ħafna. Ħadu l-Gvern li żied għal darba, darbtejn is-sisa fuq l-petrol, diesel u prodotti marbuta maż-żejt.
Mhux hekk biss, iżda din il-kumpanija Ċiniża qed iddaħħal il-mijiet tal-eluf għax qed tikri lura l-impjant lill-Enemalta. Jekk il-kiri jitwal nistgħu nsibu li l-impjant tal-BWSC liċ-Ċiniżi nkunu tajnihulhom b’xejn! Verament dan il-pajjiż qed jitmexxa mid-dilettanti. Jew agħar minn nies li jafu jgħoddu ftit iżjed minn ħamsa!
It-tanker f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk se jdum hemm 18-il sena. Il-poplu ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa se jkollhom jitqannew b’dan il-mostru għal 18-il sena. L-importanti li l-Partit Laburista qed jonora dak li wiegħed lill-kuntratturi li qed iwettqu dan il-proġett.
Il-Gvern għandu jkun ċert li la l-ground u l-pixxina f’Birżebbuġa (li wara kollox kienu żewġ proġetti ta’ Gvern Nazzjonalista) u anqas il-ftit tisbiħ li se jitwettaq f’Marsaxlokk m’huma se jagħmlu tajjeb għall-kruha u l-periklu li se jwikkuna bihom għas-snin li ġejjin.