Lokali

Talba biex il-binja li fadal mill-Jerma titwaqqa’ għal kollox

Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala qed jappella lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa ħalli titwaqqa’ l-binja li fadal mil-lukanda Jerma.

F’email mibgħuta mis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali, wara mozzjoni mressqa mill-Kunsillier Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista Charlot Cassar, qed jingħad li dan il-bini żdingat u abbandunat qed joħloq periklu, inkonvenjent u riskji gravi għal saħħet in-nies u għall-interess pubbliku.

Il-Kunsill saħaq li l-istruttura għandha tiġi kkundannata, anke jekk s’issa għad hemm permess għall-iżvilupp pendenti. Skont il-Kunsill, il-proċeduri għal dan il-permess għandhom jibqgħu għaddejjin.

Kemm ilha li l-lukanda għalqet il-bibien għall-pubbliku, il-binja sfat abbandunata. Min-naħa l-oħra, saru diversi rapporti dwar użu ħażin tal-binja, fosthom bl-abbuż tad-droga. Jirriżulta wkoll li riċentament saru rapporti li l-binja tal-lukanda Jerma ntużat bħala żona ta’ kampeġġ minn diversi persuni, li użaw numru ta’ kmamar bħala l-post fejn jgħaddu ftit tal-ħin.