Internazzjonali

Trump illesti għall-elezzjoni ta’ Novembru

Il-biljunarju Donald Trump aċċetta n-nomina tal-Partit Repubblikan biex, f’Novembru, jikkuntesta f’ismu għall-Presidenza tal-Istati Uniti. Intant, l-aktar punt li spikka waqt l-acceptance speech ta’ Trump, fl-Istat ta’ Ohio, kien l-impenn biex jikkonfronta d-diversi theddid fil-konfront ta’ pajjiżu fejn, fost oħrajn, wiegħed ‘Amerika aktar sikura’.
Meta tkellem waqt il-konvenzjoni tal-Partit Repubblikan fi Cleveland, Trump sostna li ‘l-kriminalità u l-vjolenza li llum qed jaffettwaw lill-Istati Uniti dalwaqt għandhom jaslu fi tmiemhom’.
Iżda biex jirnexxi l-impenn ta’ Trump għal titjib fis-sistemi tal-ħarsien tal-liġi, jeħtieġ l-appoġġ u s-sostenn minn setturi oħra importanti u mhux biss min-naħa tas-sostenituri tiegħu – bid-diskors fi Cleveland jikkonċentra proprju fuq dan l-aspett.
Waqt li tkellem għal aktar min siegħa, Trump qal li s-sigurtà tal-Amerikani spiċċat mhedda minn radikali Iżlamiċi, kif ukoll minn immigranti li mhumiex iddokumentati u ftehim kummerċjali li ‘ttradew lill-ħaddiema Amerikani’.
Donald Trump, negozjant minn New York li ma tteħidx bis-serjetà meta, sena ilu, kien beda l-kampanja għan-nomina Repubblikan, issa qed jittama ‘li d-diskors partikulari tiegħu jnaqqas it-tensjoni fil-partit minbarra li jgħaqqad lir-Repubblikani’.
Silta oħra tal-acceptance speech ta’ Trump irriferiet għall-ħtieġa li ‘l-Amerikani omosesswali jkunu protetti mill-vjolenza u l-oppressjoni ta’ ideoloġija barranija xprunata mill-mibgħeda’, b’dan jimmarka bidla drastika fil-politika tal-partit tiegħu.