Lokali

Tibda tfittxija nazzjonali għal żagħżugħ Ġermaniż ta’ 18-il sena rrappurtat nieqes

Il-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta bdew tfittxija madwar il-pajjiż bl-għan li jinstab żagħżugħ Ġermaniż ta’ 18-il sena bl-isem ta’ Mike Mansholt, wara li għall-aħħar ġimgħa naqas milli jagħmel kuntatt mal-familja tiegħu.

Fi stqarrija, il-Pulzija ddeskrivit liż-żgħażugħ dan il-ġuvni huwa twil madwar metru u sittin centimetru (1.69m), irqiq, għajnejh blu, xagħru aħmar. L-aħħar li deher kien liebes: flokk blu car, bermuda griż b’linji wesgħin suwed fil-ġenb, żarbun iswed u haversack iswed.

L-istess il-Forzi Armati li bdew tfittxija nazzjonali, b’membri tal-K9, mis-sezzjoni Marittima, il-USAR u numru ta’ voluntiera li qed jagħmlu dak kollu possibbli biex jillokalizzaw liż-żagħżugħ.

Jidher li ż-żagħżugħ kien qed jagħmel użu minn rota (Mountain bike) sewda bil-blu, l iskont il-familja tiegħu kriha biex jaqbad rotta minn San Ġiljan lejn ir-Rabat, hekk kif Mansholt hu avventuruż u sportiv ħafna.

Jidher li ż-żagħżugħ ġie f’pajjiżna għal btala, mingħajr ma kien akkumpanjat minn persuni oħra, u kien qed joqgħod f’lukanda f’Tas-Sliema. Iżda l-ġimgħa, meta suppost kellu jaqbad titjira lura lejn pajjiżu, naqas milli jagħmel dan.

Wara kuntatt li sar mill-familja, fil-kamra tal-lukanda nstabu l-affarijiet personali tiegħu, inkluż il-passaport. Jidher li l-aħħar kuntatt li sar miegħu kien fit-18 ta’ Lulju, u minn dakinhar la rritorna lura fil-lukanda u lanqas daħal online.

F’pajjiżna hu maħsub li ż-żagħżugħ kellu kuntatt ma’ persuni oħra mill-Ġermanja li kienu jinsabu f’Malta. Il-Pulizija appellat biex kull min għandu xi informazzjoni dwar iż-żagħżugħ jċempel fuq in-numri ġenerali tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija li huma 21 224001 jew 119.