Lokali

Wara li temmet ħatra politika, se tmexxi attività tal-Partit Laburista

It-Tmexxija tal-Partit Laburista ħatret lil Phyllis Muscat biex tmexxi l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ ‘Kwalità Malta’ – attività li l-Partit Laburista se jorganizza bħala mezz ta’ ġbir ta’ fondi direttament għalih.

Phyllis Muscat inħatret biex tmexxi din l-inizjattiva wara li s-sena l-oħra kienet inħatret bħala Chairperson tat-Taskforce biex torganizza l-laqgħa tal-Kapijiet ta’ Stati Membri tal-Commonwealth(CHOGM).

Phyllis Muscat kellha salarju ta’ €40,000 u allowance kull sena ta’ €8,000, servizz b’xejn għall-użu tal-mowbajl sa massimu ta’ €815 u allowance ta’ €4,600 għall-użu tal-karozza. Il-ħatra tagħha kienet tħabbret mill-Gvern Laburista f’Novembru tal-2013, b’kuntratt li daħal fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar tal-2014. Fil-konfront ta’ din il-ħatra kienet saret kritika qawwija minħabba li Phyllis Muscat ma kellhiex esperjenza diplomatika. Il-kuntratt tagħha kien estiż sal-aħħar ta’ Marzu tal-2016.

L-imġiba ta’ Phyllis Muscat tul it-tħejjija għas-summit taċ-CHOGM ħolqot ħafna suspetti u dubji minħabba li ftit li xejn kienu ngħataw dettalji dwar it-tħejjijiet li kienu qed isiru. B’talbiet għal intervisti li ġew injorati għal intervista ma’ The Sunday Times, Phyllis Muscat kellha diffikultajiet kbar biex twieġeb uħud mill-mistoqsijiet.

Barra minn hekk, kumpaniji li pprovdew servizzi tul is-summit taċ-CHOGM kienu lmentaw ħafna minħabba dewmien fil-ħlasijiet. Kontroversja oħra kienet dik li żviluppat aktar kmieni din is-sena, dwar il-ħlasijiet li kienu dovuti lil priġunieri nisa għal xogħol ta’ 400 kostum li kienu għamlu għaċ-ċerimonja tal-ftuħ taċ-CHOGM –xogħol li kien appoġġjat minn Marigold Foundation li ċ-Chairperson tagħha hija Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.

Wara dawn il-kontroversji li kienet involuta fihom Phyllis Muscat hekk kif kienet qed tokkupa kariga pubblika li ngħatat mill-Prim Ministru fuq bażi ta' fiduċja, l-Partit Laburista talab lil Phyllis Muscat biex negozjanti jipparteċipaw fil-fiera li l-Partit Laburista se jorganizza f’Novembru li ġej. Din l-attività se sservi ta’ ġbir ta’ fondi.

F’korrispondenza li Phyllis Muscat bagħtet lil għadd ta’ negozjanti,u li il-mument għandha kopja qaltilhom li l-Partit Laburista hu kommess li jkompli jsaħħaħ u jkabbar l-ekonomija billi jipprovdi pjattaforma fejn l-imprenditur Malti jkollu opportunità biex jippromwovi l-prodotti u s-servizzi tiegħu. Dan kollu jgħin biex jiżdiedu u jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol. Hi tgħid li din l-attività se tkun organizzata f’Novembru li ġej fl-MFCC f’Ta’ Qali, u l-imprendituri li jixtiequ jieħdu sehem se jkollhom għażla ta’ tliet pakketti minn fejn jagħżlu biex jipparteċipaw.

L-ewwel edizzjoni ta’ ‘Kwalità Malta’ kienet saret f’Novembru tal-2011, u dakinhar kienet Phyllis Muscat li ħadet ħsiebha. Hi stess kienet ikkonfermat f’intervista mal-gazzetta Illum li kien sejħilha personalment Joseph Muscat. Hi kkonfermat ukoll li din kienet l-idea personali tiegħu. Għall-ewwel edizzjoni, il-ġurnal In-Nazzjon kien irrapporta li l-Partit Laburista kien talab lil kull parteċipant fil-fiera biex iħallas bejn €750 u €6,000 skont il-pakkett li jagħżel biex dak li jkun jippromwovi l-prodotti jew is-servizzi tiegħu.