Internazzjonali

Il-Prinċep Harry jiddispjaċih li qatt ma tkellem dwar il-mewta ta’ ommu Diana

Il-Prinċep Harry ta’ 31 sena, li tilef lil ommu meta kellu biss 12-il sena, tkellem għall-ewwel darba fil-pubbliku dwar kif it-telfa tagħha affetwatu l-aktar matul dawn l-aħħar tliet snin.

Il-Prinċep, iben il-Prinċipessa Diana li mietet f’inċident bil-karozza fl-1997, tkellem f’attività li saret sabiex jinġabru flus għal aktar għarfien dwar is-saħħa mentali. F’din l-attività hu qal li kulħadd jista’ xi darba jew oħra jispiċċa vittma ta’ kundizzjoni mentali. Filfatt hu qal li m’hemm l-ebda problema li persuna ssoffri minn kundizzjoni mentali, qal li l-problema tibda jekk il-persuna li tkun qed issofri ma titkellimx dwarha u tinjorha. Żied jgħid li attivitajiet bħal dawn juru kemm kundizzjonijiet mentali jolqtu wkoll lil diversi personalitajiet u anki lill-memberi tal-Familja Rjali. Filfatt, il-Prinċep Harry saħaq li jiddispjaċih li qatt qabel ma tkellem dwar il-mewta ta’ ommu u kif affetwatu. Spjega kif ħafna nies jaħsbu li nies bħalu li għandhom il-fama u l-flus ma jonqoshom xejn, iżda fil-verità huma nies bħal ħaddieħor u qatt ma tista’ tgħid minn xiex se jgħaddu. Irrefera wkoll għat-telfa ta’ mart Ferdinand, footballer famuż li tilef lil martu bil-kanċer.