Parlament

Kull Membru Parlamentari elett għandu jżomm quddiem għajnejh li l-ewwel dmir tiegħu hu lejn il-Parlament – Ċensu Galea

Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea qal li fl-ewwel diskors tiegħu kien tkellem dwar regoli li jistabbilixxu l-mod kif jaħdem il-Parlament kif ukoll dwar il-mod kif il-Membri jġibu ruħhom fil-konfront ta’ xulxin.

Hu qal li kull Membru Parlamentari elett għandu jżomm quddiem għajnejh li l-ewwel dmir tiegħu hu lejn il-Parlament. Hu dmir tal-Membru Parlamentari li mhux biss ikun preżenti imma anke li jagħti s-sehem tiegħu.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-proposti jgħidu li jista’ jkun hemm ċirkostanzi li minħabba fihom jista’ jkun skużat milli jattendi. Hu qal li jixtieq li dawn iċ-ċirkostanzi jkunu ċċarati. Dawn huma ’il hinn milli Membru jkun assenti minħabba xogħol politiku.

Ċensu Galea qal filwaqt li hemm qbil li jkun hemm sistema li twassal biex il-Membru Parlamentari juri responsabbiltà akbar lejn il-Parlament, hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-ġranet dedikati għal-xogħol minn membri privati. Ir-regoli jistabbilixxu li għandu jkun hemm alternanza bejn xogħol tal-Gvern u xogħol tal-Oppożizzjoni. Dawn jagħtu l-opportunità lill-Oppożizzjoni u anke lil membri privati min-naħa tal-Gvern li jressqu xogħol propost minnhom. Jekk naħa jew oħra ma tieħux is-seduta li jkollha dritt għaliha, ma għandiex ittellef lill-parti l-oħra.

Hu żbaljat li tingħata l-impressjoni li d-dritt li l-Oppożizzjoni tippreżenta x-xogħol tagħha isir qisu qed tingħata karità. L-Oppożizzjoni qed tiġi akkużata minn kelliema tal-Gvern li ma tgħallmitx mill-passat u mit-telfa kbira li ġarrbet fl-aħħar elezzjoni.

Ċensu Galea qal li b’dak li qed jagħmel il-Gvern qed juri li ma tgħallem xejn u qed jinsa kemm għajjar lill-amministrazzjoni preċedenti b’arroganza.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-Ministru Carmelo Abela semma l-presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea bħala waħda mir-raġunijiet għall-emendi mressqa mill-Gvern. Dawn huma laqgħat li jkunu mifruxa matul perijodu ta’ sitt xhur u mhux laqgħat li jsiru kollha f’daqqa.

Ċensu Galea qal li minn 114 liġi mressqa kien hemm ħtieġa biss fi 17-il okkażjoni ta’ vot imsejħa b’division li kienu jirrekjedu l-preżenza tal-membri kollha. Hu żied li l-interess lejn ix-xogħol tal-Kamra ma jsirx billi jsiru emendi. Ebda kontroll ta’ ħin m’hu se jżid l-interess ta’ min normalment juri nuqqas ta’ interess.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li anke jekk se jittieħed il-vot fi tmiem is-seduta qabel il-waqfa tas-sajf, ir-regoli mhux se jkunu applikati qabel il-Parlament jerġa’ jiltaqa’. Għaldaqstant hu wkoll appella biex ikomplu d-diskussjonijiet.

Ċensu Galea qal li waħda mill-proposti tal-Oppożizzjoni hi dwar seduta kull ġimgħa b’ħin dedikat għal mistoqsijiet lill-Prim Ministru. Kien hemm diversi okkażjonijiet fejn it-tweġibiet ma jaslux inkluż mill-Prim Ministru. Il-fatt li l-Gvern qed jirrifjuta li jaċċetta l-proposta tal-Oppożizzjoni mhux qed isaħħaħ id-dinjità li għandu jkollu l-Parlament.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li hu dejjem tkellem dwar it-tneħħija tal-privileġġ parlamentari. Iżda jidher li se tintilef l-opportunità fejn tingħata importanza lir-responsabbiltà tal-Membru Parlamentari. Hu minnu li ilha tissemma l-ħtieġa li jsir tibdil fir-regolamenti. Iżda ladraba jsiru, dawn ikunu tibdiliet li jgħollu l-ġieh lill-Parlament u mhux sempliċi daħq fil-wiċċ.