Il-kitba tiegħi tal-lum hi ispirata minn reċensjoni li qrajt wara ktieb li għadu kif ħareġ fl-Ingilterra u li jirrakkonta l-ħajja ta’ Ted Heath, eks-Prim Ministru Ingliż li miet fl-2005.
Hu ktieb rilevanti f’dawn il-jiem wara r-Referendum tal-Brexit billi kien l-istess Heath li ħadem u stinka sa ma fl-aħħar, fl-1973, kien irnexxielu jdaħħal lil pajjiżu fl-Unjoni Ewropea, dak iż-żmien magħrufa bħala l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE).
Xi mkien ieħor dan l-aħħar qrajt li Ted Heath kien l-uniku Prim Ministru (għallinqas fost il-Konservattivi) li ġenwinament kien jemmen f’Ewropa magħquda.
Ġrajja b’rabta ma’ Edward Heath
Qed nitkellem dwar ġrajjiet li jeħduna sa madwar 50 sena lura fl-istorja u forsi jkun hawn min jistaqsi x’rilevanza dan għandu għal żminijietna. Inwieġeb din il-mistoqsija billi nirrakkonta ġrajja li fiha kont imdaħħal jien stess b’rabta ma’ dan Edward Heath.
Ħamsin sena ilu jien kont żagħżugħ nattendi s-Sixth Form – dak iż-żmien kienet tissejjaħ ‘is-sesta’ – tal-Liċeo fil-Ħamrun. Diġà kont bdejt ninteressa ruħi f’żewġ oqsma li, wara, kellhom ikunu t-toroq li nieħu fil-ħajja professjonali tiegħi: il-ġurnaliżmu u l-politika, imżewġin flimkien.
Kont bdejt nikteb rubrika qasira kull ġimgħa, b’appell għaż-żgħażagħ, fil-gazzetta modesta li l-PN kellu dak iż-żmien, bl-isem Il-Poplu. Kien kollu mertu ta’ Frank Spiteri, Alla jaħfirlu, li kien l-editur de facto ta’ dik il-gazzetta li b’xi mod, u b’ħafna sagrifiċċji ta’ ponn nies – fosthom Ugo Mifsud Bonnici – kienet baqgħet iżżomm ħajja l-fjamma tal-ġurnaliżmu nazzjonalista.
Rabta mal-partit u l-ġurnaliżmu
Dan l-involviment żgħir tiegħi wassalni l-ewwel għal ħidma fil-partit innifsu u, imbagħad, biex ħajti saret marbuta għalkollox mal-ġurnaliżmu.
Dik il-ħabta wkoll, Josie Muscat, deputat żagħżugħ attiv, kien talabni biex ningħaqad miegħu u ma’ grupp żgħir ieħor (fosthom Joe Zahra li miegħu aktar tard ħdimt fl-istamperija għal għexieren ta’ snin), li kien qed jagħmel sforzi biex jerġa’ jitqajjem il-Moviment taż-Żgħażagħ Nazzjonalisti. Ma niftakarx eżatt jekk dan il-Moviment kienx rieqed, moribond jew addirittura, mejjet għalkollox!
Intant, f’dan il-moviment mill-ewwel inxtħett għall-iktar triq li kienet tinteressani: li nkun bħal speċi l-bniedem li ngħin lill-Moviment permezz tal-istampa, fosthom bil-kitbiet tiegħi f’Il-Poplu.
Kienet is-sena 1967 u, niftakar, li fl-Ingilterra kien hemm għaddejja l-issue kbira dwar id-dħul ta’ dak il-pajjiż fil-Komunità Ewropea. Diġà t-talba tagħhom kienet rifjutata darbtejn, fl-1963 u, appuntu fl-1967 għaliex il-President Franċiż Charles de Gaulle kien poġġa l-veto tiegħu. Fiż-żewġ każi, it-talba tal-Ingilterra kienet saret minn Ted Heath li kien Ministru fi Gvern Konservattiv.
Diskors mill-aqwa
Wara t-tieni ċaħda, Heath kien għamel diskors li għadu jissemma sal-lum. Fost l-oħrajn kien qal: “Aħna mhux se nagħtu daharna lill-Ewropa. Aħna parti mill-Ewropa bil-ġeografija, it-tradizzjoni, l-istorja, il-kultura u ċ-ċivilizzazzjoni. Aħna nkomplu naħdmu mal-ħbieb tagħna fl-Ewropa għal għaqda sinċiera u biex dan il-kontinent jibqa’ jissaħħaħ.”
Kien rappurtat li uffiċjali tal-KEE li kienu qed jisimgħu dan id-diskors kienu stennew lil Heath wara li spiċċa biex jawgurawlu u jifirħulu, waqt li interpreti nisa nħassu emozzjonati ħafna waqt li kienu qed jittraduċu dan id-diskors.
Niftakar li kont insegwi mhux ħażin dak li kien qed jiġri u tnibbtitli xewqa li lil dan ir-raġel b’xi mod nintervistah. Qsamt dan il-ħsieb ma’ Frank Spiteri li bis-solitu mod tiegħu weġibni bl-Ingliż. ‘Go ahead’ qalli. U hekk għamilt. Sa dak iż-żmien Edward Heath kien sar il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Konservattiv, li miegħu l-PN, għalkemm mhux f’xi għaqda jew alleanza formali, kellu xi ftit jew wisq kuntatt.
Ktibt ittra lil Edward Heath
Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li taħt Borg Olivier, il-PN ma tantx kien iħobb ‘jikkomprometti’ ruħu ma’ partiti barranin, iżda dan il-fatt ma żammnix milli nikteb ittra lil Ted Heath b’numru ta’ mistoqsijiet, uħud ġenerali, u oħrajn speċifiċi dwar l-Ewropa.
Jgħaddu ftit jiem u messaġġier tal-Ministru tax-Xogħol, Impjiegi, Sigurtà u Emigrazzjoni ġie d-dar għand ommi fil-Furjana biex jgħidli li l-Ministru Ċensu Tabone ried ikellimni urġenti. Dott. Tabone kien ukoll dik il-ħabta, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Lil Dott. Tabone sa dak iż-żmien ma kontx nafu, u lanqas hu ma kien jafni. F’moħħi bdejt nhewden dwar xiex ried ikellimni iżda ma kelli l-ebda ħjiel. Mort il-Belt, f’uffiċċju ma niftakarx eżatt fejn, staqsejt għall-Ministru u b’qalbi ttaqtaq, ħaduni ħdejh. Bniedem distint, f’kamra kbira wara skrivanija, u niftakar li kien liebes ċoff mhux ingravata.
Ċensu Tabone mfantas
Ċensu qalli: “Ġuvnott, int ktibt lil Edward Heath?” It-tweġiba tiegħi kienet fl-affermattiv.
U l-Ministru pront weġibni: “Allura lili ma tgħidlix?” Dak il-ħin irrealizzajt li meta tagħmel kuntatt bejn partit u ieħor barra, dejjem għandek tfittex the right channels u mhux titlaq għal rasek. Minnufih Dott Tabone żied li wara li ltaqa’ miegħi kien se jagħti tweġiba lilll-Partit Konservattiv biex l-Onor. Edward Heath ikun jista’ jwieġeb il-mistoqsijiet li kont għamiltlu.
Ted Heath wieġeb il-mistoqsijiet kollha li sarulu u l-intervista sħiħa dehret f’Il-Poplu ta’ nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar, 1967… tliet snin qabel ma Ted Heath finalment sar Prim Ministru tar-Renju Unit, u wara aktar negozjati kien daħħal lil pajjiżu fil-KEE fl-1 ta’ Jannar 1973.
Għal raġunijiet ovvji ta’ spazju ma nistax, hawnhekk, nirriproduċi l-intervista sħiħa iżda biss żewġ mistoqsijiet li kont għamiltlu dwar ir-Renju Unit u l-Ewropa. Il-mistoqsijiet u t-tweġibiet huma dawn:
Tista’ tagħtina l-veduti tiegħek dwar is-sħubija maħsuba tal-Ingilterra fis-Suq Komuni?
Għal ħafna snin jien kont konvint li fil-futur, post l-Ingilterra fid-dinja hu b’rabtiet sodi mal-pajjiżi sħabha Ewropej. Aħna parti mill-Ewropa, b’ġeografija, tradizzjoni, storja, kultura u ċiviltà. Ikun għall-aħjar mhux biss għall-Ingilterra imma anki għall-Ewropa inġenerali li l-pajjiżi tagħha jfittxu flimkien l-iskopijiet u l-interess li għandhom inkomuni.
Mingħajr dubji, dħul fil-Komunità Ekonomika Ewropea hu l-ewwel pass vitali li jippermetti lill-Ingilterra li tagħmel il-parti sħiħa tagħha fil-kisba ta’ Unjoni Ewropea. Hemm ħafna problemi li jridu jkunu solvuti qabel ma d-dħul tagħna fil-Komunità jseħħ, u dan jista’ jieħu ftit taż-żmien. Imma m’għandniex inħallu dan inaqqas id-determinazzjoni tagħna li nilħqu dan l-għan. Sadattant l-Ingilterra għandha tagħmel minn kollox biex issaħħaħ ir-rabtiet tagħha mal-Ewropa.
Għandek tama li tara Ewropa magħquda fi żmienek?
Ma nemminx li l-mument jiġi fil-ħajja ta’ ħadd minna meta nkunu nistgħu ngħidu “L-Ewropa hi magħquda biżżejjed”. Imma nħossni fiduċjuż li fis-snin li ġejjin l-Ewropa tkun aktar magħquda u ċerti aspetti ta’ din l-għaqda li bħalissa jidhru fil-bogħod jaslu aktar kmieni milli kien maħsub.
Ħassejt li f’dan iż-żmien ta’ wara d-deċiżjoni tar-Renju Unit fir-Referendum, kelli nfakkar ġrajja ta’ kważi 50 sena ilu li kemm minħabba s-suġġett tagħha kif ukoll minħabba l-konnessjoni tagħha mal-gazzetti Nazzjonalisti tkun f’waqtha bħalissa.
Illum ħafna minna f’Malta qed inħarsu lejn il-Brexit bħala żvilupp li se jolqot ħażin kemm lill-Ewropa u kemm lil pajjiżna. Iżda ħadd ma jista’ fil-verità jantiċipa finalment x’jiġri. Min jaf jekk xi ħadd ikun qed jaqra din il-kitba 50 sena oħra kif iħares lejn dak li kien intqal 50 jew 100 sena qabel.
Dakinhar jien żgur mhux se nkun hawn!