BLOGS

Aħjar uff, milli aħħ

Ma tgħaddix ġurnata li ma nisimgħux b’xi inċident. F’numru ta’ każi – u dawn mhux ftit – xi ħadd jispiċċa mejjet. F’ħafna oħrajn ikun hemm korrimenti gravi u fi ftit każi oħra, persuni jispiċċaw b’feriti ħfief. Fil-parti l-kbira tagħhom dawn l-inċidenti iseħħu tort tal-imprudenza u n-nuqqas ta’ tħaris tar-regolamenti.
F’dawn l-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena, diġà kellna tlettax-il inċident fatali, il-parti l-kbira minnhom inċidenti tat-traffiku. Kellna wkoll inċidenti fatali u serji fuq il-postijiet tax-xogħol u saħansitra telf ta’ ħajjiet fil-baħar. L-inċidenti kollha kienu frott ta’ nuqqasijiet min-naħa tal-persuni involuti jew ta’ persuni li kienu magħhom. Donnu li aħna nħobbu nweġġgħu lilna nfusna jew nipperikolaw ħajjitna.

Ipoġġu ħajjet ħaddieħor fil-periklu
Is-sewwieq ta’ karrozza li ma jsegwix ir-regolamenti tat-traffiku, li jsuq b’mod eċċessiv, li jsuq taħt l-influwenza tax-xorb jew tad-droga, ikun qed ipoġġi fil-periklu ħajtu, ħajjet dawk li jkunu fil-vettura miegħu kif ukoll ħajjet in-nies li jinzertaw ikunu għaddejjin fit-triq.
Il-ħaddiem li qed jagħmel xogħol perikoluż u ma jilbisx ilbies protettiv u ma jiħux il-prekawzjonijiet indikati għat-tip ta’ xogħol li qed jagħmel jew jagħmel xogħol li ma hux imħarreġ għalih, ikun qed jipperikola ħajtu.
Min ma jemminx li “Il-Baħar żaqqu ratba imma rasu iebsa” u b’imprudenza imur jgħum f’kundizzjonijiet ta’ baħar li m’humiex indikati għall-għum ikun qed jistieden li jispiċċa ħażin.
Dawn huma kollha inċidenti li jistgħu jkunu fatali, li bi prudenza jistgħu jkunu evitati.
Għalhekk, is-sejħa tal-Prim Ministru biex jiżdiedu l-pieni relatati man-nuqqas ta’ tħaris tar-regolamenti tat-traffiku għandha tkun studjata u kunsidrata, iżda nħoss li s-soluzzjoni m’hix dik li nżidu l-pieni. Min jispiċċa seba’ piedi taħt l-art wara xi inċident tat-traffiku, il-pieni eħrex ma huma se jservuh xejn.

Soluzzjoni vera
Fil-fehma tiegħi s-soluzzjoni biex nippruvaw innaqqsu kemm nistgħu dan it-tip ta’ inċident, hi l-edukazzjoni. Kellu raġun il-Prim Ministru josserva li fi tmiem is-sena ma kellniex inċidenti fatali tat-traffiku għax saret kampanja pubbliċitarja għal dak l-iskop. U hawn hu l-iżball tagħna bħala poplu. Li nagħmlu kampanji sporadiċi u bla pjan serju, li jdumu għal żmien limitat ta’ ftit jiem jew xhur u jieqaf kollox hemm.
Għandna bżonn kampanji edukattivi li jibqgħu sejrin tul is-sena kollha. Is-sewqan fit-toroq tagħna isir kuljum, il-ħidma fuq il-lantijiet tax-xogħol issir kuljum, in-nies immoru jgħumu fil-ġranet kollha tas-sajf. Il-perikli qegħdin hemm kuljum u allura t-tagħlim u t-twissijiet iridu jibqgħu jsiru kuljum.
Ir-rispett għall-ħajja – tagħna u tal-oħrajn – il-prudenza, il-paċenzja, it-tħaris tal-liġijiet u tar-regolamenti huma kollha ħiliet li jistgħu jkunu akkwistati permezz ta’ kampanji edukattivi maħsuba tajba u li jkunu kontinwi.
Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nirrealizzaw kemm hu f’loku il-qawl li jgħid: “Aħjar Uff, milli Aħħ”. Aħjar tieħu ftit paċenzja milli tkorri għax inċident ma tafx kif jiġik.
Il-pajjiż jiddedika somom kbar ta’ flus għal diversi skopijiet. Iżda żgur ma jistax ikun skop akbar minn dak li nħarsu ħajjet in-nies. Għalhekk ejja niddedikaw flus biex nagħmlu kampanji edukattivi kontinwi, immirati biex innaqqsu dawn l-inċidenti li qed jiswew ħafna ħajjiet u inkwiet.