Kien mument storiku, sabiħ, ta’ ġieħ għall-Parlament u ta’ ġid għal qasam tal-Ġustizzja f’pajjiżna dak li għaddejna minnu ftit jiem ilu meta approvajna bi qbil unanimu l-Liġi li se tirregola d-dixxiplina tal-membri tal-Ġudikatura, il-metodu ta’ ħatriet tagħhom u l-pensjoni tagħhom.
F’temp ta’ sitt xhur, u grazzi għall-hidma tal-Oppożizzjoni li bl-argumenti tagħna pperswadejna lill-Gvern, għaddejna minn kriżi kostituzzjonali għal emendi approvati unanimament din il-ġimgħa li biddlu l-istorja Kostituzzjonali tagħna f’dak li għandu x’jaqsam il-qasam tal-Ġustizzja.
Fil-bidu tas-sena kellna għagħa fil-pajjiż għax il-Ministru tal-Ġustizzja kien qed jaħtar persuni għal fuq il-bank tal-Ġudikatura jew li ma kienx jixirqilhom jew li saħansitra kienu bi ksur tal-Kostituzzjoni. Kellna akkademiċi bħal Prof Kevin Aquilina li hu d-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi jgħid li kellna “kriżi kostituzzjonali” u bħalu tkellem l-eks-Imħallef Vanni Bonello li ma nafx x’ma qalx bi kritika. Anke l-Kamra tal-Avukati kienet tkellmet bis-saħħa kontra dak li kien għaddej fil-Qrati għax il-Gvern ried jagħmel każin Laburista mill-Ġudikatura.
L-Oppożizzjoni tkellimna wkoll u krritikajna dak li kien għaddej.
Ippreżentajt Abbozz ta’ Liġi
Però ma tkellimniex biss. Fid-9 ta’ Frar ta’ din is-sena, bl-approvazzjoni tal-Grupp Parlamentari kollu, jien ippreżentajt abbozz ta’ liġi fil-Parlament, ibbażat fuq proposti tal-Kamra tal-Avukati, biex il-ħatriet għall-Ġudikatura ma jibqgħux f’idejn il-politiku u biex tiġi emendata l-Kostituzzjoni ħalli l-kriterji li fuqhom jintagħżel ġudikant ikunu pubbliċi u oġġettivi.
Il-Gvern ma riedx li dak l-Abbozz tiegħi, li kellu l-approvazzjoni u l-kunsens ta’ dawk li kienu qed jikkritikaw il-ħatriet anti kostituzzjonali tal-Ministru, jiġu diskuss fil-Parlament. Akkost ta’ kollox. Sa waslu biex inqdew b’parir ferm dubjuż tal-Avukat Ġenerali li kien jgħid eżatt il-kontra ta’ dak li l-istess Avukat Ġenerali kien ta bħala parir snin ilu fuq emendi kostituzzjonali.
Meta l-Gvern ra li l-Abbozz tal-Oppożizzjoni kien qed jakkwista approvazzjoni u sostenn allura ippreżenta Abbozz tiegħu, mimli żbalji u ereżiji kostituzzjonali, lejn l-aħħar ta’ Frar biex immewwet dak tal-Oppożizzjoni. Ġralhom bħal qattusa għaġġelija li tagħmel frieħ għomja għax l-Abbozz tal-Gvern ġie deskritt bħala “falz, awtokratiku u anti kostituzzjonali” mid-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi.
Il-qerq tal-Gvern
Kien jidher biċ-ċar il-qerq tal-Gvern: ried li minkejja li fuq il-karta jitwaqqaf organu kostituzzjonali li suppost jirrakkomanda hu min isir Imhallef jew Maġistrat, xorta waħda l-Prim Ministru jkun jista’ jaħtar lil min jidhirlu hu bħala Imħallef jew Maġistrat però int ma tkunx taf li jkun minn barra.
L-Oppożizzjoni għamlitha ċara, u jien tkellimt ċar ħafna fis-16 ta’ Marzu fuq dan, li dan ma kienx aċċettabbli. Din kienet linja ħamra li ma konniex lesti inċedu fuqha għax ma konniex se nkunu kompliċi f’ingann u travestija ta’ proċess ta’ għażla ipokrita.
Għamilniha ċara li konna lesti nivvutaw kontra dan l-Abbozz li kellu bżonn iż-żewġ terzi tal-Kamra biex issir liġi. Dan għidtu b’għafsa ta’ qalb għax l-istess Abbozz kien fih partijiet dwar dixxiplina ta’ membri tal-ġudikatura u l-pensjoni adegwata għall-membri tal-Ġudikatura li konna qed naqblu magħhom.
Ġimagħtejn ilu erġajna ġejna kkuntattjati mill-Gvern wara kważi erba’ xhur silenzju. Irrid nirrikonoxxi li l-attitudni tal-Ministru tal-Ġustizzja kienet inbidlet għall-aħjar. Kien ċar li b’naqra rieda tajba seta’ jkun hemm qbil bejn iż-żewġ naħat.
Tkellimna u ktibna ma nafx kemm fl-aħħar ġimagħtejn filwaqt li l-Oppożizzjoni baqgħet mal-linji ħomor tagħha. Dawk ma kinux negozjabbli. U wasalna għal qbil storiku.
Jekk ikun hemm Prim Ministru li jkun irid jaħtar avukat għall-Ġudikatura minn barra minn dawk li jkunu applikaw ghal dan, ikun irid: a) jiddikjara dan fil-Parlament u jagħti raġuni u spjega b) jiddikjara dan fil-Gazzetta tal-Gvern u c) xorta waħda irid jibgħat ismu lill-Kumitat tal-Għażla imwaqqaf bil-Kostituzzjoni biex dan ikun magħrbel u jgħadduh mill-iskrutinju daqslikieku kien applika bħal ħaddieħor. Hekk żgurajna kontabbiltà, trasparenza u ħatriet fuq il-mertu bis-serjeta.
Dan l-eżerċizzju maqbul nemmen li hu ta’ ġieħ u ta’ ġid għall-Ġustizzja f’Malta u għalhekk ta’ fejda għas-soċjetà kollha. Wasalna flimkien, meta konna tant ’il bogħod sa sitt xhur ilu, għax il-Ministru Bonnici u jien urejna rispett sinċier reċiproku. Ta’ dan inroddlu ħajr.
Jekk irridu li f’dan il-pajjiż nimxu ’l quddiem jeħtieġ nuru rispett ġenwin bejnietna l-politiċi. Dment li nuru dan ir-rispett u nużaw l-loġika tal-persważjoni, li tant kien jitkellem fuqha Guido de Marco u li jien ħaddimt fl-aħħar jiem biex wasalna għal qbil, allura r-riżultati jaslu.
Urejna għal darb’oħra bil-provi li aħna Oppożizzjoni matura, serja u li taħdem għal għan wieħed biss: dak li jirbaħ l-interess nazzjonali.