BLOGS

Jidhru sinjali ċari pożittivi għall-PN f’Għawdex

Ħmistax ilu l-Partit Nazzjonalista żamm elezzjonijiet interni biex iġedded ċerti strutturi li kien wasal iż-żmien li jiġġeddu. Dawn kienu sew f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Tiġdid ta’ Kumitati
F’Għawdex kien wasal iż-żmien li jiġġedded kemm il-kumitat Reġjonali, naturalment bil-President kif ukoll li jiġi magħżul rappreżentant tal-Kumitati Sezzjonali tad-Distrett. Minn dawn l-elezzjonijiet saret biss waħda, dik tal-membri li jiffurmaw il-Kumitat Reġjonali għal Għawdex, peress li kemm il-kariga ta’ President kif ukoll dik ta’ rappreżentant tal-Kumitati Sezzjonali fuq id-distrett, kellhom kandidat wieħed biss li kkontesta.
Għal dan il-Kumitat Reġjonali kellhom dritt li jivvutaw it-tesserati kollha tal-Partit irreġistrati f’Għawdex. Dan seta’ jsir permezz ta’ emendi fl-istatut tal-Partit li llum jippermetti li dan isir. U biex jingħata ċans lil kulħadd, anke dawk il-membri li għal xi raġuni kienu għadhom ma ħallsux it-tessera għal din is-sena, dawn ukoll setgħu jivvutaw wara li però jħallsu t-tessera dak il-ħin stess. B’hekk ħadd ma tħalla barra milli jeżerċita dan id-dritt u l-obbligu tiegħu bħala membru attiv tal-Partit Nazzjonalista.

Varjazzjoni sabiħa
L-elezzjoni nżammet nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Lulju 2016, bejn it-3 u d-9 ta’ filgħaxija fil-Każin tal-Partit f’Ta’ Sannat, liema każin jaqdi wkoll il-funzjoni ta’ Sub-Headquarters għal Għawdex. Għalhekk, numru ta’ uffiċjali tal-Partit immexxija mis-Segretarju Ġenerali Rosette Thake u l-Ass. Segretarju Ġenerali Jean Pierre Debono telgħu Għawdex u ppreparaw is-sala ta’ fuq għall-elezzjoni msemmija. Magħhom kien hemm preżenti wkoll Matthew Mangion, id-Direttur tal-ELCOM tal-Partit li xogħlu hu li jmexxi l-elezzjonijiet kollha inkluża l-elezzjoni ġenerali tal-pajjiż.
In-numru ta’ Kandidati għall-elezzjoni tal-Kumitat Reġjonali f’Għawdex kienu tnax, li minnhom riedu jiġu eletti sitta, peress li l-President kien diġà elett mingħajr kontestazzjoni. Dawn kienu jirrappreżentaw varjazzjoni sabiħa tal-membri tal-Partit, kemm f’dik li hi età, kif ukoll f’xelta ta’ kandidati ta’ esperjenza politika kif ukoll oħrajn ta’ enerġija u ħeġġa żagħżugħa. Kien hemm mara waħda u ħdax-il raġel. Din it-taħlita ta’ nies kienet waħda tajba ħafna li tawgura tajjeb ħafna għall-futur tal-Partit f’Għawdex.
Il-Każin ta’ Ta’ Sannat, kien kollox ippreparat u l-elezzjoni bdiet kif kien ippjanat. Xi ħaġa li ma stennejnhiex kien il-fatt li sa mit-2.45 p.m., kien hemm diġà numru ta’ tesserati votanti jistennew biex jitfgħu l-vot tagħhom. Din il-flow ta’ votanti baqgħet waħda kostanti u kontinwa mill-bidu sat-tmien tal-elezzjoni li għalqet fid-9.15 p.m.

Numru inkoraġġanti
Fattur li mmeravilja lilna li konna hemm preżenti kien in-numru ferm inkoraġġanti li jammonta għall-mijiet ta’ tesserati li ddeċidew li jiġu u jagħmlu dmirhom u jivvutaw biex jeleġġu l-kumitat il-ġdid għas-sentejn li ġejjin. Bla dubju dan hu l-kumitat li se jkun imexxi waqt l-elezzjoni ġenerali li jmiss, tiġi meta tiġi.
Rajna rġiel u nisa avvanzati fl-età, uħud minnhom anke b’nuqqas ta’ mobbiltà, ġejjin kontinwament jivvutaw. Fil-fatt ġie ppreparat ukoll post fis-sular t’isfel biex l-anzjani li jbatu mit-taraġ ikunu jistgħu jivvutaw anke isfel stess. Ġew ukoll numru ta’ żgħażagħ minn kull rokna ta’ Għawdex u magħhom ħadu ħsieb ukoll li jġibu tesserati familjari u ħbieb mill-istess lokalità biex jivvutaw.

Dan l-influss tan-nies ġejjin u sejrin ħoloq atmosfera politika ta’ żmien l-elezzjonijiet, fejn kulħadd poġġa ftit bilqiegħda jgħid kelma dwar il-Partit u dwar il-Kap u t-tmexxija tiegħu. L-uċuħ daħkana u ferrieħa ta’ dawk preżenti għenu mhux ftit biex inġeddu dik in-nostalġija li fakkritna fil-passat sabiħ ta’ dan il-Partit kbir tagħna. Wara kollox din kienet kompetizzjoni bejn il-kollegi li għandhom l-istess twemmin u li jħaddnu l-istess valuri u prinċipji politiċi u soċjali.
Dan hu eżempju ċar ta’ qawmien fost il-partitarji Nazzjonalisti u li l-appoġġ tal-Għawdxin lejn il-Kap u lejn il-Partit qiegħed kull ma jmur dejjem ikompli jiżdied. Dan hu s-sentiment li rrenja f’ Ta’ Sannat nhar il-Ġimgħa li beda qabel it-3 p.m. u baqa’ sejjer sa wara l-għadd tal-voti li ntemm għall-ħabta tal-10.40 p.m.

Nies ħabrieka

Ovvjament telgħu sitt membri waqt li s-sitta l-oħra huma kollha nies ħabrieka u attivi fil-politika u kif dejjem ngħidu; fil-Partit hemm post għal kull min irid jagħti sehmu, kif jien persważ li se jiġri f’Għawdex. Fil-fatt dawn il-kandidati kollha, it-tnax li huma, jiffurmaw parti minn xi kumitat Sezzjonali waqt li ħamsa minn dawk li ġew eletti diġà servew bħala membri fl-ewwel Kumitat Reġjonali li kien elett sentejn ilu.
Il-kumitat il-ġdid diġà għamel l-ewwel laqgħa tiegħu fejn saru l-ħatriet neċessarji u tpoġġa wkoll għad-diskussjoni programm ta’ ħidma ppjanata għall-futur immedjat. Ħidma mmirata għall-aktar appoġġ lill-Kap tagħna Simon Busuttil u lill-Partit Nazzjonalista. Din il-ħidma trid terġa’ tagħmel lill-Partit Nazzjonalista bħala l-Partit ta’ Għawdex, kif ukoll tirritorna lil Għawdex fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Dawn huma sinjali ċari u pożittivi għall-Partit Nazzjonalista fil-gżira ta’ Għawdex. Dan grazzi wkoll għall-ħidma politika li twettqet mid-direzzjoni tal-partit f’Għawdex tul l-aħħar tliet snin. Ħidma li se tkompli tinbena fuq it-tajjeb kollu li kien hemm, waqt li nkomplu naħdmu fuq linji moderni, attwali u effettivi li bihom il-Partit Nazzjonalista jkompli jsir dejjem aktar il-Partit tan-nies, man-nies u għan-nies. Dan hu dak li qed juru s-sinjali politiċi preżenti f’pajjiżna.

Nagħmlu l-almu
Ejjew, membri tal-kumitati, tesserati u partitarji Nazzjonalisti, ilkoll flimkien nagħmlu l-almu tagħna kollu biex Għawdex jerġa’ jibda jgawdi minn proġetti kbar kif għamel fil-passat u għadu jagħmel sal-lum bil-saħħa tal-ħidma tal-amministrazzjoni Nazzjonalista li qabel spiċċat mill-poter fl-2013, ħalliet aktar minn mitt miljun biex jintefqu b’risq Għawdex u l-Għawdxin fit-twettiq ta’ proġetti fejjieda fil-gżira tagħna ta’ Għawdex..

Filwaqt li minn qalbna nirringrazzjaw il-kumitat uxxenti għall-ħidma siewja tiegħu taħt it-tmexxija tas-Sur Joe Chircop, nawguraw lill-kumitat il-ġdid, issa taħt it-tmexxija ta’ Paul Buttigieg, li jkompli b’ħidma serja u ġenwina għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista, ta’ Għawdex u tan-nazzjon kollu.