L-awtoritajiet fi sptar ta’ Sydney ikkonfermaw li tarbija mietet, ftit tal-ħin wara t-twelid, wara li amministrawlha bi żball il-laughing gas minflok l-ossiġnu. Intant, tarbija oħra li messha dan id-destin fl-istess sptar kienet irrappurtata f’kundizzjoni kritika.
It-traġedja seħħet b’kaġun ta’ sistema tal-gass difettuża li bdiet tiċċirkola n-nitrous oxide (laughing gas) fl-Isptar ta’ Bankstown-Lidcombe.
Kien proprju tabib li skopra din il-problema wara li t-tarbija inkwistjoni mietet f’daqqa ‘u kontra kull mistenni.’
Il-każ traġiku qed ikun segwit mill-ogħla awtoritajiet fl-Istat ta’ New South Wales, fejn il-Ministru tas-Saħħa, Jillian Skinner, esprimiet niket profond għall-iżball, minbarra li ħarġet direttiva għal ‘investigazzjoni bir-reqqa’.
Jillian Skinner kompliet li l-gas lines inkwistjoni kienu analizzati u ċertifikati mill-kumpanija tal-gass, BOC Ltd, kif ukoll mill-isptar ta’ Sydney.
Dan meta l-konsulent legali għall-Istat ta’ New South Wales insista għal ‘spjegazzjoni’ min-naħa ta’ BOC Ltd, li, min-naħa tagħha, tinsab għaddejja b’investigazzjoni interna.
Sadattant, l-Oppożizzjoni fl-Awstralja sejħet għar-riżenja tal-Ministru Skinner, iżda hi qed tirrifjuta li twarrab.
//= $special ?>