Għawdex hu mfittex minħabba l-ġmiel naturali tiegħu u l-karetteristiċi sbieħ li jgawdi fosthom l-istil tal-għajxien tal-Għawdxin.
L-istorja turi li l-ewwel nies li ġew f’dawn il-gżejjer minn Sqallija x’aktarx li l-ewwel ma sabu kenn kien f’Għawdex. It-tempji megalitiċi tal-Ġgantija huma l-aqwa monument preistoriku f’dawn il-gżejjer u huma uniċi fid-dinja.
Min imbagħad ma jafx bil-leġġenda tan-ninfa ta’ Kalipso li żammet lil Ulisse magħha għal seba’ snin sħaħ fl-għar li hemm fuq ir-riħ tar-Ramla l-Ħamra? Xi ngħidu għas-sbuħija ta’ din il-bajja ramlija?
Sa mill-ibgħad żminijiet, Għawdex kienet tgawdi popolarità għax Għawdex għandha seħer li jiġbdek. Illum il-ġurnata Għawdex hi mfittxa minn-numru sostanzjali ta’ barranin kull sena. Għalhekk it-turiżmu hu ta’ importanza kbira għal Għawdex għax minnu jiddependi l-għajxien ta’ ħafna Għawdxin.
Wieħed għalhekk irid japprezza wkoll il-potenzjal li Għawdex għandu l-potenzjal li tista’ tiżviluppah biex ikun maħluq xogħol f’Għawdex.
Gżira reġjun
Min jgħid li Għawdex hi parti minn Malta u jieqaf hemm, ikun qed jiżbalja. Għawdex hi gżira u reġjun għaliha u għandha tkun ikkunsidrata hekk mhux mill-barranin biss iżda mill-Gvern ċentrali. Għawdex għandu l-bżonnijiet partikulari tiegħu u kull politika dwar Għawdex għandha tkun imfassla fuq dan il-ħsieb fundamentali.
Bir-rispett kollu, ftit huma mill-Maltin sħabna li jifhmu tassew il-bżonnijiet tagħna l-Għawdxin. Bħala ċajta ssib min jgħidlek li aħna l-Għawdxin speċjali u qisna repubblika għalina.
Sa ċertu punt din mhix ċajta, iżda realtà li tgħallimniha bi spejjeż tagħna mal-medda tas-snin. Il-ftit kilometri baħar li jifirdu l-gżejjer tagħna jistgħu jfissru daqs elf kilometru u jagħmlu d-differenza kollha li hemm.
Waħda mill-akbar problemi li għandna hi ovvjament it-trasport bejn il-gżejjer. Missirijietna minn dejjem batew biex iġibu l-għajxien lil uliedhom billi kellhom imorru jaħdmu f’Malta. Mhux faċli li ssib fejn toqgħod f’Malta u apparti l-ispejjeż żejda kulħadd ifittex li jerġa’ lura lejn l-għeżież tiegħu.
Aspett soċjali
Kull titjib li jsir fit-trasport bejn il-gżejjer hu l-ewwel nett ta’ benefiċċju għall-Għawdxin stess u nkunu aħna l-ewwel li ngawdu minnu. Dan hu l-aspett soċjali ta’ dan it-trasport li qatt m’għandu jkun traskurat minħabba l-aspett kummerċjali.
Bħala pajjiż, l-ewwel u qabel kollox hemm bżonn li nħarsu l-identità ta’ Għawdex. Ma għandniex noqtlu dik il-wiżża li tbid il-bajd tad-deheb. Għalkemm it-turiżmu jibqa’ importanti għall-ekonomija ta’ Għawdex irridu ninvestu iktar f’oqsma oħra u anki f’riżorsi umani.
Għawdex m’għandux ikun presepju biex nieħdu gost bih, imma Għawdex għandu jkun reġjun ħaj u produttiv għall-ekonomija tal-pajjiż bl-identità tiegħu. Madankollu, jekk inħallu l-progress modern fix-xjenza teknoloġika, fil-kostruzzjoni bl-addoċċ, fil-kumditajiet żejda tal-ħajja, u stili ta’ ħajja aktar kummerċjali milli naturali, inkunu qed nipperikolaw li nitilfu darba għal dejjem mhux biss l-ambjent naturali, imma wkoll dik l-identità unika li tagħmel minn Għawdex gżira speċjali, anzi unika.
Pjan ħolistiku
Jekk mhux sewwa li Għawdex tiġi ikkunsidrata bħala “presepju”, lanqas hu sewwa li mmorru għall-estrem l-ieħor u għalhekk Għawdex irid ikollu pjan ħolistiku b’viżjoni fit-tul.
Jeħtieġ li nżommu f’moħħna t-triq tan-nofs, it-triq tal-moderazzjoni fl-iżvilupp u fil-progress, it-triq ta’ kawtela u attenzjoni kbira biex insalvaw l-identità Għawdxija. Inkella Għawdex jitlef dak li hu tiegħu u tiegħu biss.
Irridu ngħarfu l-potenzjal ta’ gżiritna u tal-Għawdxin u mhux nippruvaw nintroduċu affarijiet barranin billi nikkupjaw lil ħaddieħor fi progress bla rażan li jgħarraq l-identità ta’ Għawdex.