Il-Festi tal-Indipendenza ta’ din is-sena, bejn is-17 u l-20 ta’ Settembru, se jkunu qed isiru fuq il-Fosos tal-Furjana. Dan ħabbritu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake waqt li kienet qed tieħu sehem fil-programm “Newsdesk” fuq Radio 101.
Ta’ kull sena, il-Partit Nazzjonalista jorganizza l-Festi tal-Indipendenza, li matulhom mhux biss jiċċelebra l-akkwist tal-Indipendenza għal pajjiżna fl-1964, iżda wkoll jagħti bidu għall-istaġun politiku lejn l-aħħar ta’ Settembru.
Fl-intervista fuq Radio 101, Rosette Thake qalet li wara s-suċċess tal-Festi tas-sena li għaddiet fil-Belt biex jitfakkar il-135 sena mit-twelid tal-Partit Nazzjonalista, din is-sena l-Partit Nazzjonalista se jerġa’ jkun qed jiċċelebra din il-Festa ftit metri bogħod minn fejn fil-21 ta’ Settembru 1964 saret iċ-ċerimonja li ddikjarat lil Malta pajjiż Indipendenti.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qalet li l-Festi tal-Indipendenza mhux biss se jiġu ċċelebrati fl-erbat ijiem fuq il-Fosos, iżda mill-bidu ta’ Settembru se jibda programm ta’ attivitajiet differenti madwar Malta u Għawdex kollha … kemm attivitajiet politiċi kif ukoll dawk soċjali.
Rosette Thake qalet li fil-jiem li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iniedi l-programm dettaljat u t-tema taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Festi, filwaqt li ħeġġet lill-poplu Malti u Għawdxi biex jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tal-kisba tal-Indipendenza għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
//= $special ?>