Il-UĦM Voice of the Workers ħabbret numru ta’ azzjonijiet industrijali għall-podjatristi li jaħdmu fil-kura primarja. Dan wara li l-Gvern għadu ma daħħalx fis-seħħ ftehim li kien iffirmat madwar sena ilu dwar numru ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol tal-podjatristi.
Madwar sena ilu kien iffirmat ftehim bejn il-Ministeru tas-Saħħa u l-UĦM dwar numru ta’ kundizzjonijiet bil-għan li l-podjatrija tkun tista’ titwettaq aħjar. Fost oħrajn kien intlaħaq qbil li jkunu introdotti health-assistants għall-podjatristi fiċ-ċentri tas-saħħa kif ukoll biex tibda tinħoloq lista ta’ appuntamenti ta’ 30 minuta għal ċertu każijiet partikolari, minflok appuntamenti ta’ 15-il minuta kif isir bħalissa.
Madanakollu jidher li l-ftehim, minkejja li għaddiet kważi sena, għadu ma mmaterjalizzax. Ġimgħa ilu l-UĦM irreġistrat tilwima industrijali iżda l-Gvern ma ressaqx proposti konkreti dwar l-implimentazzjoni ta’ dak li ġie mifthiem kważi sena ilu.
Għal dan il-għan, il-podjatristi fiċ-ċentri tas-saħħa ġew ordnati biex ma jieħdux appuntamenti ġodda, biex ma jarawx każijiet ġodda ħlief f’każijiet urġenti, biex ma jagħmlux xogħol amministrattiv u klerikali u biex ma tingħatax kura paljattiva ħlief f’ċertu eċċezzjonijiet.
L-azzjonijiet industrijali daħlu fis-seħħ l-Erbgħa filgħodu bil-UĦM tgħid li tkun lesta li tissospendi l-azzjonijiet jekk il-ftehim milħuq ikun onorat.
//= $special ?>